#together – Il-kanzunetta uffiċjali tal-Junior Eurovision 2014

Gaia Cauchi għadha kemm nediet il-kanzunetta uffiċjali tal-Junior Eurovision 2014.
Dan sar fl-iskola San Franġisk f'Tas-Sliema, l-iskola li fiha tattendi l-kantanta li kisbet l-unika rebħa għal Malta s'issa f'Junior Eurovision Song Contest.
L-attivita' li saret illum f'nofsinhar bdiet bi spettaklu ta'żfin li imbagħad ġie segwit mill-mument fejn Gaia kantat għall-ewwel darba l-kanzunetta quddiem sħabha. 
L-istudenti tal-iskola li tkellmu ma' Newsbook.com.mt qalu li jqisuha li kellhom ix-xorti li kienu huma li semgħu għall-ewwel darba l-kanzunetta. Qalu li mhux biss għoġbithom il-kanzunetta. Talbu lill-kap tal-iskola biex idoqqu l-kanzunetta għal aktar minn darba. Infatti l-kanzunetta tkantat għal tliet darbiet. 
F'kummenti lil Newsbook.com.mt Gaia qalet li ma tistax temmen li għaddiet kważi sena minn meta rebħet il-Festival. Kuntenta ħafna li l-poplu Malti se jkollu l-opportunita' li jgħix l-esperjenza tal-Junior Eurovision minħabba r-rebħa tas-sena l-oħra.  Qalet ukoll li bħalissa qed taħdem ħafna biex fis-serata finali tal-15 ta' Novembru tagħti riġal b'ringrazzjament lill-poplu Malti li appoġġjaha tul din is-sena mindu rebħet fl-Ukraina.  
Il-kanzunetta uffiċjali tal-Junior Eurovision 2014 jisimha #together u fil-ġranet li ġejjin issa se tinħareġ bil-vuċijiet tas-sittax -il parteċipant li se jieħdu sehem fl-edizzjoni tal-Festival ta' din is-sena. Il-kanzunetta nkitbet minn Elton Zarb, Gordon Bonello u Mat Muxu Mercieca.