Gaffarena jixhed li ltaqa’ ma’ Simon Busuttil qabel l-elezzjoni tal-2013

Marco Gaffarena, in-negozjant li jinsab f’kontroversja dwar pompa tal-petrol f’Ħal Qormi, kif ukoll dwar l-esproprjazzjoni ta’ propjetà fi Triq Zekka l-Belt Valletta, ilbieraħ fil-Qorti qal li kien iltaqa’ mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, qabel l-elezzjoni tal-2013.
Il-każ idur mal-libelli li għamel Simon Busuttil lill-gazzetti L-Orizzont u It-Torċa, wara li dawn kienu allegaw li Busuttil iltaqa’ ma’ Gaffarena sabiex jakkwista mingħandu karti sabiex ikun jista’ jagħmel ħsara lill-Ministru Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien, John Dalli.
Bħala radd ta’ ħajr, Simon Busuttil kien se jagħti l-permess lil Gaffarena biex iħaddem il-pompa tal-petrol ta’ Ħal Qormi.
Fil-bidu tad-disgħinijiet, Joe Gaffarena, missier Marco Gaffarena, kien involut f’kontroversja dwar ix-showroom tad-Daewoo fi Mdina Road, Ħal Qormi, mibnija mingħajr il-permessi meħtieġa, kif ukoll kellu negozju ieħor bl-isem ta’ Mixer Ltd, ukoll mingħajr il-permessi.Dan l-aħħar negozju kien inbiegħ lil ħu l-Ministru Dalli, Bastjan Dalli.
Ilbieraħ fil-Qorti, in-negozjant kellu jelabora fuq affidavit tal-2015 miġbur mill-avukat tiegħu, u xehed li ministru Nazzjonalista ieħor ta’ dak iż-żmien, Joseph Cassar, kien irranġa lilu u ’l missieru laqgħa ma’ Simon Busuttil, sabiex jiddiskutu miegħu l-każ tal-pompa tal-petrol, iżda meta ltaqa’ miegħu Cassar saqsieh kienx ġab il-karti relatati mal-każ tad-Daewoo.
Meta l-iben u l-missier Gaffarena qalu li dakinhar kellhom jitkellmu dwar il-pompa, allegatament Busuttil qal lil Cassar, li “jekk iridu jħaddmu l-pompa tal-petrol, jafu x’għandhom jagħmlu”.
Mistoqsi fil-Qorti fejn eżatt iltaqa’ ma’ Busuttil, Gaffarena qal li ltaqgħu miegħu fit-tieni sular tad-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista. Għal dit-tweġiba, l-avukat ta’ Simon Busuttil irribatta li l-uffiċċju ta’ Busuttil ma jinsabx f’dak is-sular.
Gaffarena kompla fuq l-affidavit, u ċaħad li missieru kien xi darba waqqaf il-pubblikazzjoni ta’ aktar dettalji dwar il-proprjetà fi Triq Zekka l-Belt, waqt li qal li l-unika drabi meta ltaqa’ mal-eks-Ministru Cassar kien meta kien jeħodlu l-laħam, xi karozza jew kwalunkwe ħaġa oħra li l-ministru kien jitolbu.
Irrabjat, Gaffarena qal fil-Qorti li kienu jirċievu talbiet mingħand il-Gvern għal somom ta’ flus, €10,000 kull darba. Għal dan, l-avukat ta’ Busuttil niggżu: “Imma qatt ma rċevejtu xi permess”.
Il-każ ikompli.