​Gaffarena jitlef il-każ li kien fetaħ kontrih il-PM

Mark Gaffarena tilef il-każ li kien fetaħ kontrih il-Prim Ministru Joseph Muscat fl-2016.
Illum il-Qorti ddeċidiet favur il-Prim Ministru li kien fetaħ il-każ kontra Mark Gaffarena dwar l-iskandlu ta’ esproprjazzjoni ta’ proprjetà fi Triq Zekka fil-Belt Valletta.
Il-Qorti ddikjarat li l-ftehim li kien sar bejn il-Gvern u Gaffarena għandu jiġi kkanċellat parzjalment .
Fl-2016 Muscat qal li dak li ġara fid-Dipartiment tal-Artijiet fil-każ ta’ Gaffarena mhux denju tal-Gvern li hu jmexxi. Ħabbar li l-artijiet u l-kumpens li ngħataw lil Gaffarena se jittieħdu lura u t-tranżazzjonijiet li saru se jitħassru.
Il-każ kien infetaħ quddiem il-Qorti mill-Prim Ministru Joseph Muscat kontra Marco Gaffarena u martu biex jiġi rrevokat it-trasferiment tal-proprjetà.
Gaffarena kien akkwista nofs binja fi Triq Zekka u wara  ġiet esproprijata mill-Gvern għal €1.65 miljun.
Il-koppja kienet ġiet ikkumpensata b’€3.4 miljun.
Dan il-każ kien wassal biex il-Membru Parlamentari Laburista Michael Falzon jitneħħa minn Segretarju Parlamentari, wara li kien ħareġ li Gaffarena kien qed jinnegoazja ma’ membri tas-segretarjat ta’ Falzon.
Il-Gvern jilqa' d-deċiżjoni tal-Qorti
Fi stqarrija, il-Gvern qal li jilqa’ d-deċiżjoni tal-Qorti "li tħassar il-ftehim b’rabta mal-propjetà fi Triq Żekka, fil-Belt Valletta. Din id-deċiżjoni tfisser li dak li ttieħed fi tpartit ta’ art biex tinxtara l-propjetà fi Triq Żekka issa jerġa’ lura għand il-poplu."
Skont il-Gvern, meta l-Prim Ministru fetaħ il-kawża, hu kien ġie akkużat li kien qed jagħmel hekk biex il-kawża tintilef u li din kienet kawża finta.
Skont l-istqarrija tal-Gvern, il-Prim Ministru rringrazzja wkoll lill-Avukat Ġenerali Dr Peter Grech u l-uffiċċju tiegħu li mexxew din il-kawża fl-interess pubbliku.
Il-PL sodisfatt bl-eżitu tal-każ
F'reazzjoni għal din l-aħbar, il-Partit Laburista (PL)  qal li huwa sodisfatt bl-eżitu tal-każ. Skont il-PL, dan il-każ ċivili nfetaħ mill-Prim Ministru fil-kapaċità tiegħu biex jiddefendi l-interess tal-poplu Malti wara rapport tal-Awditur Ġenerali u l-Qorti tatu raġun fis-sentenza tagħha. Fi kliem il-PL, is-sentenza tal-Qorti "ġabet fix-xejn il-kritika tal-Partit Nazzjonalista".
Skont il-PL, dan il-każ juri li l-liġijiet f'Malta huma rispettati.
Il-PN jgħid li n-nies ħarġu rebbieħa
Il-Partit Nazzjonalista qal li n-nies ħarġu rebbieħa bis-sentenza tal-Qorti. Skont il-PN, id-deċiżjoni tal-Qorti tatu raġun.
Fi kliem il-PN dan l-iskandlu "huwa wieħed mill-ħafna li fihom Joseph Muscat ta propjetajiet tan-nies bix-xejn”.
Il-PN qal li qed jistenna li Muscat jingħaqad mal-Kap tal-PN Adrian Delia fil-kawża kontra l-Vitals, biex iġib lura wkoll it-tliet sptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex.
Il-PL jinsisti li l-PN iparla biss imma l-PM jaġixxi
F'konferenza tal-aħbarijiet, id-deputati Robert Abela u Glenn Bedingfield qalu li s-sentenza f'dan il-każ uriet id-differenza bejn il-partiti. Saħqu li l-PL permezz tal-Prim Ministru Joseph Muscat reġa' ta prova kemm jemmen fir-rispett lejn il-liġi (Saltna tad-Dritt) u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż.