Gafà jattakka lil Bartolo; jgħidlu biex jieqaf iħarref dwar il-Libja

Read in English.

Neville Gafà attakka lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo permezz ta’ post fuq Facebook u qallu sabiex jieqaf iħarref dwar il-Libja. Gafà kien jaħdem f’Kastilja taħt il-Prim Ministru Joseph Muscat. Gafà huwa magħruf fost l-oħrajn li kien jikkordina ħidmiet b’rabta mal-immigrazzjoni illegali u kien imsemmi f’push backs ta’ immigranti lejn il-Libja.

Permezz ta’ Facebook, il-Ministru Bartolo dalgħodu rringrazzja lill-gvern ta’ Serraj fil-Libja “li minkejja l-inkwiet kollu tal-gwerra” u “b’mezzi limitati ħafna” waqqaf “lit-traffikanti tal-bnedmin milli jibgħatu 2,000 immigrant ieħor” lejn Malta. Hu qal li dan kien grazzi għax-xogħol li għamel il-gvern Malti ma’ dak ta’ Serraj. Hu rringrazzja wkoll lill-gvern Tork li qal ta sehemu biex tibda paġna ġdida mal-gvern ta’ Serraj fi Tripli.

Bartolo sostna li miż-żjara tal-gvern Malti fi Tripli, il-gvern ta’ Serraj ħa passi “serji” kontra t-traffikanti tal-bnedmin li sostna jagħmlu miljuni kbar ta’ Ewro kull sena minn fuq dahar l-immigranti. Kompla jgħid li hemm bżonn tibqa’ ssir ħidma biex il-Libja jkollha l-għajnuna biex tħares aħjar il-fruntieri tagħha fuq l-art u mal-kosta, tkompli l-ġlieda kontra dawk li jagħmlu n-negozju minn fuq l-immigranti li jidħlu fil-Libja biex jgħaddu lejn l-Ewropa u jkun hemm ċentri li jkunu aktar adegwati u dinjitużi fejn jinżammu l-immigranti.

Il-jum it-tajjeb.Irrid nghid grazzi lill-gvern ta’ Serraj fil-Libja li minkejja l-inkwiet kollu tal-gwerra li ghandhom…

Posted by Evarist Bartolo on Wednesday, June 24, 2020

B’reazzjoni għal dan, Gafà qal li Bartolo “dalgħodu reġa’ qam iħarref fuq il-midja soċjali”. Hu fakkar li minbarra Malta, jeżistu wkoll Lampedusa u Sqallija u sostna li l-maġġoranza tal-immigranti jispiċċaw jidħlu f’dawk il-gżejjer u mhux f’Malta. Insista li l-2,000 immigrant li twaqqfu mill-gvern Libjan ma kellhomx “booking għal Malta”.

Hu fakkar lil Bartolo li ż-żjara tiegħu fil-Libja ħadet biss tliet sigħat. Irrimarka li jkun qed jgħarralu bil-kbir jekk jaħseb li fi tliet sigħat kollox “solva xi ħaġa mal-Libjani”. Sostna li l-interċettazzjonijiet fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Libjana ilhom jitwettqu mil-Libjani għal bosta snin qabel ma’ Bartolo beda jitkellem dwar l-immigrazzjoni.

Gafà ta l-parir lil Bartolo biex qabel ma jikkummenta dwar iċ-ċentri ta’ detenzjoni Libjani, “irabbi ftit kuraġġ u jżurhom”. Qal li jekk mhux se jagħmel dan, mela jkun “jaqbullu jieqaf milli jibqa’ jħarref dwarhom”. Spjega li biex wieħed iżurhom, irid iqatta’ ġimgħa fil-Libja bħal ma kien iqatta’ hu. “Tibqax tipprova tbella’ r-ross bil-labra,” insista Gafà.

Għal darba oħra, dalgħodu rega' qam iħarref fuq il-medja soċjali li mnalla kien hu li mar il-Libja, għax bis-saħħa…

Posted by Neville Gafa' on Wednesday, June 24, 2020

Bartolo f’laqgħa mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin fl-Alġerija

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu telefonata mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Alġerija Sabri Boukadoum fejn tkellmu dwar it-tisħiħ tar-relazzjonijiet politiċi u kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi u fuq is-sitwazzjoni fil-Libja.

Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin kien spjegat li l-ministri qablu li għandha tiltaqa’ l-Kummissjoni bejn Malta u l-Alġerija u li l-Alġerija ssaħħaħ ir-rappreżentanza diplomatika f’pajjiżna. 

Dwar il-Libja, iż-żewġ ministri qablu favur waqfien mill-ġlied u biex il-Libjani jitħallew mingħajr indħil barrani jaslu għal ftehim bejniethom biex jibnu futur ta’ progress soċjali u ekonomiku għalihom.