Gafà interrogat dwar theddid lil ġurnalist – ma jikkummentax ma’ Newsbook

Miguela Xuereb

Read in English.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li kmieni waranofsinhar, Neville Gafà ġie interrogat mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali fil-kwartieri Ġenerali tal-Pulizija l-Furjana.

Meta kkuntattjat minn Newsbook, Gafà ikkonferma li ssejjaħ mill-Pulizija, iżda meta ġie mistoqsi jekk ġiex interrogat dwar l-allegat theddid fil-konfront tal-ġurnalist Taljan Nello Scavo, Gafà la kkonferma u lanqas ċaħad.

Dan l-iżvilupp seħħ wara li ftit ġimgħat ilu, tqajjem il-każ ta’ allegat theddid fil-Parlament Taljan. Kien f’dan il-kuntest li diversi parlamentari Taljani rreferew għal theddid li jsofru ġurnalisti f’pajjiżhom minn kriminalità organizzata bħalma hija l-Mafja li s-swaba’ tagħha jinsabu anke fit-traffikar tal-persuni. Il-Membru Parlamentari Alessandra Ermellino tkellmet dwar it-theddid li jaffaċċjaw il-ġurnalisti, u semmiet lil Scavo fosthom. Wissiet li jekk il-ġurnalisti jikkunsidraw li jivvjaġġaw lejn Malta, għandhom jieħdu l-prekawzjonijiet, u m’għandhomx imorru mingħajr il-preparazzjoni u l-prekawzjoni meħtieġa (altrettanto da Malta, per quanto sconsiglierei comunque a chi si avventura in questi Paesi di andarci senza un grado sufficiente di preparazione e di precauzione). Staqsiet jekk il-Gvern Taljan hux se jitlob lill-Gvern Malti jieħu passi fuq dan il-każ.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ikkonferma ma’ Newsbook.com.mt li kien talab lill-Korp tal-Pulizija biex jinvestiga allegazzjonijiet ta’ theddid li għamel l-eks impjegat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru (OPM) Neville Gafà fil-konfront tal-ġurnalist investigattiv Taljan Nello Scavo.