“Ġabu skuża bit-temp” – Open Arms dwar l-awtoritajiet Maltin

Reuters

Laura Lanuza mill-bastiment Open Arms qalet li l-awtoritajiet Maltin ġabu skuża bit-temp biex jirrifjutaw il-bastiment milli jersaq lejn Malta. Eventwalment, f’Malta ddaħħlu omm u binha li kienet għadha kemm wellditu.

Newsbook.com.mt  tkellem ma’ Laura, il-kelliema tal-organizzazzjoni, dwar il-ħidma ta’ salvataġġ li wettqu dal-aħħar, fejn salvaw iżjed minn 300 persuna fi 3 ħidmiet separati.

Hija qalet li huma kienu jafu li r-raġuni tat-temp li tawhom l-awtoritajiet Maltin biex ma jidħlux f’Malta kienet skuża. Lanuza qalet li ma tafx wisq fuq l-omm u l-iben li tniżżlu Malta, ħlief li l-omm hi minn Burkina Faso. L-awtoritajiet Maltin qalu li t-tnejn jinsabu stabbli.

Open Arms talbet lil ħafna stati membri Ewropej fil-Mediterran biex tidħol fil-portijiet tagħhom bin-nies li qed ifittxu ażil. L-Italja u Malta rrifjutaw, iżda Spanja awtorizzat il-bastiment biex jidħol fil-port tagħha, fejn hu mistenni jasal għada.

Fost dawk in-nies li hemm abbord, hemm tifel Somalu ta’ 14-il sena li kien jissawwat fil-Libja, saħansitra anke jum qabel ma beda dan il-vjaġġ. Dan qabditu infezzjoni fil-ġilda li tant kienet perikoluża li kellu jieqaf Lampeduża.

Il-Milied fuq Open Arms

Laura ddeskriviet kif ingħata kappell ta’ Santa Klaws lit-tfal kollha abbord f’jum il-Milied. Mit-300 persuna abbord, 139 huma minorenni taħt l-età ta’ 18-il sena.

Hija qalet li ppreparawlhom attività tradizzjonali ta’ Barċellona u kemm it-tfal u anke l-kbar ħadu gost jisimgħu l-mużika u jkantaw, għax ħassewhom siguri għall-ewwel darba fi żmien twil.

Aqra r-rapport sħiħ hawnhekk.