Ġabra tas-saġġi liriċi ta’ Albert Camus

Read in English.

Il-Professur Toni Aquilina mid-Dipartiment tal-Istudji tat-Traduzzjoni, tat-Terminoloġija u tal-Interpretar fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta għadu kif ippubblika l-verżjoni bil-Malti, annotata, tal-ġabra tas-saġġi liriċi ta’ Albert Camus, L’Envers et l’Endroit / Il-Maqlub u s-Sewwa.

Albert Camus

Dan hu l-ewwel ktieb ta’ Camus, ippubblikat ġewwa l-Alġerija mid-dar tal-pubblikazzjoni Charlot (xi 350 kopja biss), lura fl-1937 meta hu kien għad kellu ftit aktar minn għoxrin sena. L-awtur innifsu jammetti li l-ħames saġġi f’Il-Maqlub u s-Sewwa huma l-aktar manifestament awtobijografiċi mix-xogħlijiet tiegħu kollha. Huwa mbagħad ħariġhom mill-ġdid ma’ Gallimard fi Franza fl-1958 b’żieda ta’ daħla twila (tradotta għall-Malti hija wkoll), bil-għan li jiġġustifika għala ħa d-deċiżjoni jerġa’ jippubblikahom u dan minkejja n-nuqqasijiet jew imperfezzjonijiet stilistiċi li kien jaralhom, dovuti skont hu għal ‘l-immaturità’ tiegħu bħala kittieb prinċipjant. Iżda hu ma kienx lest jirtira mqar kelma waħda li hi waħda milli esprima fihom. Saħansitra wasal biex qal li l-kapulavur tiegħu “sera la récriture de ce premier livre / il-kitba mill-ġdid ta’ dan l-ewwel ktieb”.

Il-qarrej attent, għalhekk, mhux biss ser jara f’din il-ġabra ta’ testi xbieha ta’ Camus moħħu fiex igawdi d-dinja li jikteb dwarha, bil-kuntrasti u l-kontradizzjonijiet kollha tagħha, iżda wkoll iż-żerriegħa jew l-għeruq mnejn nibtu l-aħjar xogħlijiet li ħarġu mill-pinna tiegħu aktar tard f’ħajtu.

Is-saġġi f’din il-ġabra daqskemm jesprimu t-tensjoni ġejja mill-imħabba naturali li kellu għall-ħajja u l-konsapevolezza tal-mewt wara l-kantuniera, daqstant ieħor jesponu ħafna mir-realtajiet qierħa li madwarhom tinbena s-sinsla tal-kapolavuri li pproduċa wara.

Il-Maqlub u s-Sewwa hi pubblikazzjoni Faraxa (id-dsatax fis-sensiela tat-Traduzzjonijiet bil-Malti) u tista’ tinxtara direttament mingħand il-pubblikaturi (www.faraxabooks.com) jew mill-ħwienet ewlenin tal-kotba.