FZD irid jaħdem għar-rikonċiljazzjoni

Il-Membru Parlamentari Ewropew Francis Zammit Dimech irid jaħdem għar-rikonċiljazzjoni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

Huwa qal dan f’kummenti ma’ Newsbook.com.mt waqt li qal li kif għamel fl-aħħar snin, “b’lealtà għall-Partit u għall-pajjiż”, se jibqa’ jaħdem favur l-għaqda billi jfittex li jirrikonċilja l-fazzjonijiet differenti fil-Partit Nazzjonalista.

Fil-kummenti tiegħu, Zammit Dimech reġa’ saħaq li dan se jagħmlu biex il-PN jibqa’ b’saħħtu u effettiv fil-missjoni politika favur il-Maltin.

Qal ukoll li r-rapport tal-inkjesta, li ġie ppubblikat ilbieraħ, ma jeżonorax lil Keith Scembri u Konrad Mizzi li t-tnejn instabu li kellhom kumpaniji sigriet fil-Panama. Spjega li billi l-Prim Ministru jikkunsidra dawn it-tipi ta’ kumpaniji bħala xi ħaġa serja, ma jistax jippersisti li jkompli jinjora s-sitwazzjoni u ma jieħu azzjoni kontra ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi.

Aktar kmieni, 10 Membri Parlamentari, żewġ membri tal-Kunsill Amministrattiv u għadd ta’ attivisti urew is-sapport lil Simon Busuttil filwaqt li l-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola talbet biex isiru laqgħat tal-Grupp Parlamentari u tal-Eżekuttiv.

Is-sapport lejn Simon Busuttil ġie wara li lbieraħ il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia talbu biex jissospendi ruħu mill-Grupp Parlamentari hekk kif ġew żvelati l-konklużjonijiet tal-inkjesta dwar Egrant u Pilatus Bank.