“F’xi lezzjonijiet studenti minn bubbles differenti jitħalltu flimkien”

"Impossibbli jkun hemm bubble waħda, possibbli jonqos it-taħlit" - Il-Ministeru

Ritratt: FES

Il-vijabbiltà ta’ bubbles fl-iskejjel sekondarji qiegħda tiġi ddubitata minn diversi persuni, kemm ġenituri kif ukoll edukaturi, billi l-istudenti jkollhom jitħalltu ma’ studenti minn bubbles oħrajn f’xi lezzjonijiet u anke fit-trasport tal-iskola.

Il-ġimgħa li għaddiet, Newsbook.com.mt irrapporta li fl-iskola sekondarja tal-Kulleġġ Santa Klara f’Pembroke, xi studenti tħalltu ma’ studenti oħrajn barra mill-bubbles tagħhom u xerrdu ritratti flimkien fuq il-midja soċjali, li fihom uħud mill-istudenti kienu bla maskra. L-iskola ħarġet xi sanzjonijiet fil-konfront tal-istudenti u wissiethom li jekk jerġgħu jiksru l-protokolli tal-coronavirus b’dan il-mod, jaf jiġu sospiżi.

Persuna li kienet qed tirreaġixxi għal din l-istorja qalet li huwa minnu li f’din l-iskola t-tfal tqassmu fi klassijiet ta’ tmien studenti bil-ħsieb li jitħarsu dawn il-bubbles, madankollu, f’ċerti lezzjonijiet, dawn l-istudenti jerġgħu jitħalltu ma’ studenti minn bubbles oħra. “Il-bubble li qed tintuża fil-primarja, fis-sekondarja kif tista’ tkun bubble?” argumentat din il-persuna ma’ Newsbook.com.mt.

Ġie spjegat li l-istudenti inkwistjoni, li ħadu r-ritratti flimkien, jiltaqgħu flimkien barra mill-iskola, jiġifieri xorta ġejjin mill-istess ċrieki fis-soċjetà. Uħud minnhom anke jiġu minn xulxin. Fil-brejk tal-iskola, għalhekk, dawn l-istudenti reġgħu ltaqgħu, u kien hemm li ħadu r-ritratti flimkien. Uħud minnhom jużaw l-istess trasport tal-iskola wkoll.

L-istess persuna lmentat li l-istudenti jispiċċaw skola fit-2.45pm meta t-tfal joħorġu kważi kollha f’daqqa u ma tinżamm l-ebda distanza bejniethom. Bit-trasport tal-iskola, imbagħad, idumu biex jaslu sal-4.15pm.

Edukatur minn skola sekondarja oħra ddiskuta ma’ Newsbook.com.mt kif din is-sitwazzjoni tapplika fl-iskejjel sekondarji kollha, billi l-istudenti qegħdin jitħalltu f’ċerti lezzjonijiet, għalhekk il-kunċett ta’ bubble hu diffiċli ferm li jinżamm.

Fil-konferenza li kien għamel il-Ministeru tal-Edukazzjoni flimkien mas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci fil-bidu ta’ Settembru, meta tħabbar li se jinfetħu l-iskejjel mill-ġdid, kien ġie introdott il-kunċett tal-bubbles. Din is-sistema tfisser li idealment l-istudenti jibqgħu fi grupp wieħed u ma jitħalltux ma’ gruppi oħrajn, lanqas fil-brejk.

“S’issa l-affarijiet mexjin tajjeb fl-iskejjel” – Il-Ministeru tal-Edukazzjoni

Mistoqsi għal reazzjoni, il-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li “Huwa impossibbli li l-ammont ta’ bubbles jonqos għal wieħed, partikolarment fis-sekondarji, imma huwa possibbli li l-ammont ta’ taħlit ta’ studenti jonqos u jonqos b’mod qawwi.”

Il-Ministeru kompla jispjega li għalhekk ġew riveduti t-timetables tas-sekondarja, sabiex jonqos it-taħlit bejn l-istudenti u b’hekk jonqsu r-riskji. Il-Ministeru żied jgħid li fejn jidħol it-trasport, hu qed jimxi mal-prinċipji indikati fil-protokolli.

Temm jgħid li, “Sa issa jidher li l-affarijiet mexjin tajjeb fl-iskejjel, mertu fuq kollox tal-edukaturi bravi tagħna.”