Fwied ġdid għaċ-ċkejkna Ellie wara 7 sigħat operazzjoni

Wara operazzjoni twila seba’ sigħat, iċ-ċkejkna Ellie issa għandha fwied ġdid. Fuq il-paġna ta’ Puttinu Cares ġie spjegat kif it-tifla kien ilha sentejn sħaħ tistenna fwied fl-appartamenti ta’ Puttinu.

Puttinu Cares appellat għat-talb għal Ellie sabiex hi tkompli tirkupra b’wiċċ il-ġid.

Il-paġna spjegat li l-appartamenti ta’ Puttinu kienu d-dar ta’ Ellie u l-familja tagħha għal sentejn sħaħ. Qalet li dan kien kollu possibbli grazzi għal dawk li emmnu fl-iskopijiet ta’ Puttinu Cares u taw id-donazzjonijiet tagħhom biex dawn l-appartamenti jkunu jistgħu jinxtraw u jintużaw mill-familji fil-bżonn.

Puttinu Cares qalet li issa qed terġa’ tappella sabiex il-pubbliku mill-ġdid jerġa’ jgħin sabiex tfal bħal Ellie jkunu jistgħu jirċievu t-trattamenti fl-isptarijiet fiċ-ċentru ta’ Londra b’appartamenti aktar viċini.