Futur imċajpar għar-ristoranti Amerikani

REUTERS/Marco Bello

Tista’ tgħid li l-pandemija ħalliet xi forma ta’ impatt fuq kull qasam tal-ekonomija, iżda diffiċilment id-daqqa nħasset aktar mis-settur tar-ristoranti. Bosta pajjiżi ordnaw l-għeluq tar-ristoranti kollha u anke f’dawk il-ftit postijiet fejn il-Gvernijiet ma waslux f’din l-estremità, ftit kienu dawk li ħassewhom ħerqana biżżejjed li joħorġu għal ikla barra.

Fl-Istati Uniti, l-infiq fir-ristoranti naqas eżattament bin-nofs bejn il-bidu tas-sena u l-aħħar ta’ April, skont ċifri ppubblikati mis-Census Bureau. Dan is-settur, li tradizzjonalment kien jipprovdi wieħed minn kull tnax-il impjieg fil-pajjiż, naqqas in-numru ta’ ħaddiema bin-nofs. Iżda l-impatt jidher li se jibqa’ jinħass għal ħafna aktar fit-tul: Steve Hafner, Kap Eżekuttiv ta’ OpenTable, sit rinomat biex wieħed jirriserva mejda f’ristorant, wissa li madwar kwart tar-ristoranti fil-pajjiż jistgħu qatt ma jergħu jiftħu l-bibien tagħhom.

Madwar l-Istati Uniti, ir-restrizzjonijiet fuq il-ftuħ tar-ristoranti daħlu fis-seħħ ġimgħat wara li l-imxija bdiet terfa’ rasha fil-pajjiż, iżda l-pubbliku kien ilu li beda joqgħod lura milli jiekol barra. Skont tagħrif tal-istess OpenTable, sat-13 ta’ Marzu, meta ebda Stat kien għadu ma ordna lockdown, iżda wara li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kienet iddikjarat il-Covid-19 bħala pandemija globali, ir-riservazzjonijiet ta’ mwejjed kienu diġà naqsu b’terz.

Bl-istess mod, anke issa, li fil-parti l-kbira tal-pajjiż ir-ristoranti tħallew jiftħu, l-attività xorta waħda għadha sostanzjalment taħt in-normal. Fl-Istat ta’ Georgia, fejn issa dawn ilhom miftuħin tliet ġimgħat, in-numru ta’ riservazzjonijiet għadu ta’ 84% inqas mis-soltu. Bl-istess mod, it-tnaqqis fil-Florida hu ta’ 80%, f’Texas 75% u South Carolina 67%.

Fl-aħħar snin, hekk kif ssaħħet l-ekonomija Amerikana u naqas sostanzjalment il-qgħad, bosta sidien ta’ ristoranti fil-pajjiż marru tajjeb hekk kif laqgħu għandhom numru akbar ta’ konsumaturi. Fl-aħħar snin, għall-ewwel darba, in-nefqa tal-Amerikani fuq ikliet barra kienet akbar minn dik li jonfqu biex jixtru ikel għad-dar.

Filwaqt li ħafna seta’ kellhom l-impressjoni li l-pubbliku ġenerali kellu għatx li jitneħħew ir-restrizzjonijiet u jerġa’ lura għall-attivitajiet ta’ qabel, dan il-każ juri b’mod ċar li l-effett tal-pandemija fuq l-imġieba tal-pubbliku se tttul aktar, u se jkollha impatt ferm aktar negattiv milli kien mistenni.

Fost l-akbar telliefa, jidher ċar li huma r-ristoranti ż-żgħar li l-aktar li se jmorru minn taħt. Dan għaliex dawk il-konsumaturi li baqgħu jfittxu dik l-ikla minn barra qed jagħmlu dan jew billi jmorru jixtru takeaway ġeneralment mir-ristoranti famużi tal-fast food, imħaddma minn kumpaniji multinazzjonali, jew inkella jordnaw mid-dar permezz ta’ apps li jiċċarġjaw lir-ristoranti kummissjonijiet għolja ferm li jlaħħqu l-35%. F’din ir-realtà, is-sitwazzjoni għar-ristoranti ż-żgħar u tal-familja hi tassew imwegħra.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn