Futsal: Telfa iebsa għal Malta u kollox se jiġi deċiż fl-aħħar logħbiet

Malta vs Andorra 0-4
It-tim nazzjonali Malti reġa’ kien fl-azzjoni u kellu jsofri telfa qawwija ta’ 4-0 kontra l-Andorra.
It-tim tal-Andorra kellu l-pussess tal-ballun għal ħinijiet twal u sab ix-xibka permezz ta’ doppjetti għal Carlos Manuel Barbosa u Ignacio Llamas.
Il-Maltin kellhom diversi azzjonijiet perikolużi, fosthom lil Nicola Del Re li laqat darbtejn il-lasta u Jovica Milijic li minn frikik fuq il-linja tal-penalty area laqat il-mimduda.
Latvja vs Ingilterra 2-2
Aktar kmieni waranofsinhar l-Ingilterra u l-Latvja ħadu punt kull wieħed fi dro ta’ 2-2.
Il-Latvja fetħu l-iskor u mbagħad kellhom vantaġġ doppju permezz ta’ Arturs Sustrovs u Maksims Sens.
L-Ingilterra ġabu d-dro permezz ta’ doppjetta personali ta’ Stewart Cook.
B’hekk iż-żewġ timijiet iridu jibqgħu jissieltu sal-aħħar, biex xi ħadd minnhom jakkwista l-kwalifikazzjoni.
Għada l-Ingilterra jilagħbu kontra l-Andorra fl-4pm, filwaqt li l-Latvja jilagħbu kontra Malta fis-6:30pm.
Il-logħob kollu qed jintlagħab fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin u d-dħul huwa b’xejn.