Futsal: Pass storiku għal Vittoriosa u Balzan jaslu bit-tbatija

Vittoriosa Stars lagħbu logħba kbira u għelbu lil Zabbar li kienu avversarji iebsin biex tirbħilhom.

Zabbar kellhom neqsin lil Radoslav Kovachev u Nikolay Filipov li kienu sospiżi.

Filwaqt li Vittoriosa, kellhom lil Darren Lynch u lil gowlkiper Gabriel Mansueto mweġġgħin.

Zabbar marru fil-vantaġġ bit-tliet gowls li waslu mingħand Glenn Barry, Omar Toutoungi u Rosen Filipov.

Aktar tard fl-ewwel taqsima Vittoriosa kienu aktar aggressivi u daħlu sew fil-partita b’gowls ta’ Leandros Calleja, Kurt Azzopardi u Kenneth Spiteri fl-aħħar minuta minn penalti.

Fit-tieni taqsima ż-żewġ timijiet bdew iżommu kemm jista’ jkun il-pusses tal-ballun u rajna diversi gowls minn kull naħa.

Għal Zabbar sabu x-xibka Gilbert Scerri, Milan Jovanovic u Glenn Barry.

Għaldaqstant Vittoriosa għamluha għall-finali b’doppjetta ta’ Darton Bugeja, żewġ gowls oħra ta’ Leandros Calleja bl-aħħar wieħed minn penalti u Kenneth Spiteri qata’ l-biljett għall-finali lil Ġirbin bit-tieni gowl tiegħu personali.

Fis-semifinali l-oħra, Balzan għerqu l-għaraq tad-demm biex għelbu lil Pembroke u għamluha huma wkoll għall-finali.

Pembroke ma kellhom l-ebda plejer nieqes fl-iskwadra, filwaqt li għal Balzan Jovica Milijic kien ma jiflaħx u l-gowlkiper Reuben Grech kien imweġġa’.

Wara biss minuta Gabriel Dobre poġġa lil Balzan fil-vantaġġ.

Aktar tard l-istess Dobre rdoppja l-iskor.

Il-pressjoni ta’ Pembroke kienet waħda evidenti u rnexxielhom jiskurjaw fl-ewwel taqsima permezz ta’ Karl Azzopardi.

Fit-tieni taqsima Balzan sabuha bi tqila biex jiskurjaw, meta l-gowl deċiżiv wasal mingħand Emil Andrei Raducu

Għalhekk issa Balzan jaffrontaw lil Vittoriosa Stars fil-finali li se tintlagħab nhar Il-Ġimgħa 2 ta’ Mejju 2014.