Futsal: Min se jwaqqaf lil Luxol?

Luxol baqgħu jżommu r-rekord perfett f’dan il-kampjonat, bi 30 punt minn għaxar partiti wara li għelbu lil Swieqi United 6-0.
Hamrun Spartans, fit-tieni post bi 28 punt, għelbu lil Msida St Joseph bl-iskor ta’ 9-4. Minkejja t-telfa, Msida taw logħba lill-Ispartans tant illi ħin minnhom ir-riżultat kien dak ta’ 3-3. Madankollu Ħamrun wettqu reazzjoni kbira tant illi skorjaw gowls kruċjali li tawhom it-tliet punti finali.
F’partiti oħra Lija għelbu lil Mqabba 10-2 u Valletta ddominaw u rebħu lil Żebbuġ 9-0.
B’hekk Valletta jinsabu fit-tielet post b’25 punt, Lija b’24 punt, Swieqi b’21 punt u Msida b’16-il punt.
Min-naħa l-oħra Żebbuġ għandhom 12-il punt u Mqabba baqgħu b’sitt punti bħal Marsaskala, Mdina Knights u Qrendi.
F’partiti oħra, Sirens qabżu fit-tmien post tal-klassifika bi 13-il punt, b’rebħa ta’ 5-2 fuq Marsaskala. Sliema għelbu lill-Imdina Knights 4-2 u qabżu lill-istess Sirens bi 15-il punt. Qrendi rebħu t-tieni logħba staġjonali wara riżultat ta’ 4-2 kontra Gozo FC li għadhom qed ifittxu l-ewwel punti tal-istaġun.