​Futsal: Mellieħa promossi, rebħiet għal Mdina u Attard fost l-oħrajn

Matul din il-ġimgħa kellna waqfa mill-Kampjonat Premier tal-Futsal u l-attenzjoni kollha marret fuq il-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.
Mellieħa aċċertaw ruħhom li se jkunu huma wkoll promossi flimkien ma’ Lija Athletic, wara li kellhom rebħa komda ta’ 11-0 fuq Siġġiewi.
Il-plejer u kowċ ta’ Mellieħa Nikolay Filipov waħdu skurja ħames gowls u miegħu sabu x-xibka Daniel Saliba, Darren Aitchinson u darbtejn Robert Magro.
Is-Siġġiewin kellhom ikunu sfortunati, meta Steve Gingell Littlejohn wettaq awtogowl u rregala t-tmien gowl lill-Mellieħin.
Minn naħa l-oħra l-liders Lija Athletic għelbu lil Naxxar Lions bl-iskor ta’ 2-0, b’gowls ta’ Floren Manea u Zeljko Anicic.
Matul din il-ġimgħa wkoll, quddiem numru sabiħ ta’ studenti universitarji fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin spikkat ir-rebħa ta’ Mdina Knights fuq Sirens bl-iskor ta’ 5-4.
Kien konfront ferm bilanċjat u li żamm lil dawk kollha preżenti kontinwament fuq ix-xwiek.
Kien Jason Camilleri li fetaħ l-iskor għal Sirens, iżda Mdina rrispondew b’doppjetta ta’ Dalziel Bugeja.
Fit-tieni taqsima minkejja li Sirens dehru aktar organizzati, Mdina rnexxew ikomplu jkabbru l-iskor permezz ta’ Cleaven Portelli.
Żewġ gowls oħra ta’ Jason Camilleri u gowl ta’ Ryan Theuma reġgħu daħħlu lil Sirens fil-logħba.
Mdina Knights finalment ħarġu rebbieħa bil-gowl ta’ Neil Cauchi u bit-tieni gowl personali ta’ Cleaven Portelli.
Ta’ min jgħid li l-gowlkiper ta’ Mdina Knights Matthew Gatt kien ferm determinanti, tant li laqa’ wieħed miż-żewġ freeshots mogħtija minn Sirens.
Mill-freeshot l-ieħor Gatt ra l-ballun sejjer barra.
Intant f’aktar riżultati:
Birżebbuġa għelbu lil Luqa 6-1.
Attard għelbu lill-Imqabba 4-1.
Msida għelbu lil Qrendi 5-4.
Sirens soffrew telfa oħra, din id-darba ma’ Qrendi bl-iskor ta’ 2-3
Attard kisbu rebħa oħra fuq Birżebbuġa bl-iskor ta’ 12-3.
B’hekk fil-klassifika naraw lil Lija waħedhom fuq quddiem b’57 punt, segwiti minn Mellieħa b’51 punt, Attard laħqu lil Naxxar fit-tielet post b’39 punt, Msida għandhom 33, Mdina b’28 punt, Luqa b’24 punt, Mqabba b’21 punt, Sirens b’19-il punt, Siġġiewi bi 12-il punt u Birżebbuġa bi 8 punti.