Futsal: Luxol jinqatgħu għalihom fil-quċċata

Intlagħab il-konfront dirett bejn Valletta u Luxol. Logħba li offriet spettaklu lid-dilettanti kollha tal-futsal, b’rebħa ta’ 6-4 għal Luxol li poġġiethom waħedhom fil-quċċata.

Għat-tim minn St. Andrews kien hemm fost l-oħrajn id-doppjetta tal-captain Mark Zammit li biha għaqqad il-100 gowl personali tiegħu mal-istess klabb. Il-gowls l-oħra waslu mingħand Giancarlo Sammut, Carl Azzopardi, Marwan Telisi u Everton Veve.

Valletta naqqsu d-distakk permezz tad-doppjetta ta’ Dusan Rakic u gowl kul wieħed għal George Frendo u Mohammed Lamari.

L-Erbgħa kien hemm il-konfront bejn Swieqi United u t-tim Universitarju. Swieqi United għelbu lit-tim tal-Università ta’ Malta bl-iskor ta’ 8-5. It-tim tal-Università bdew fuq nota tajba meta fetħu l-iskor kmieni permezz ta’ Melvin Borg u Ivan Jovanovic, li dan tal-aħħar tkeċċa aktar tard fil-partita. Swieqi rrispondew bi tliet gowls f’erba’ minuti li ġew skurjati minn Firas Aboulezz, Sergio Gonzales Morales u Aaron Montebello. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, reġa’ kien Melvin Borg li bagħat liż-żewġ timijiet għall-mistrieħ bl-iskor ta’ 3-3.

Fit-tieni taqsima Swieqi United reġa’ kellhom reazzjoni immedjata bil-gowls ta’ Rodney Debono u għal darb’oħra Aboulezz. L-Universitarji mill-ġdid reġgħu ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Christian Wizmayer u l-plejer Żvizzeru Gabriel Buckson li kien qed jiddebutta fil-kampjonat lokali.

Fl-aħħar 100 sekonda Swieqi United skurjaw tliet gowls oħra permezz tal-gowler Clyde Aquilina, Sergio Gonzales Morales u Firas Aboulezz.