​Futsal: Il-Latvja u l-Ingilterra jibdew jissieltu għall-kwalifikazzjoni

Latvja vs Andorra 3-2
Fil-logħba inawgurali ta’ Grupp E mir-Rawnd Preliminari tal-Euro Futsal 2016, il-Latvja ħadu l-ewwel rebħa kontra l-Andorra bl-iskor ta’ 3-2.
Fl-ewwel taqsima il-Latvja kienu ferm offensivi, filwaqt li l-Andorra ddefendew tajjeb għal ħin twil mhux ħażin.
Fis-17-il minuta, indeċiżjoni f’nofs il-grawnd tal-gowlkiper Altor Rubio li ħalla l-lasta vojta, biex il-plejer tal-Latvja Oskars Ikstens dendel il-ballun li spiċċa fix-xibka.
Sitt sekondi mit-tmiem tal-istess l-ewwel taqsima Igor Avanesov irdoppja l-iskor.
Fil-bidu tat-tieni taqsima, l-Latvja komplew fejn ħallew aktar qabel u Maksims Sens għamilhom 3-0.
Fl-aħħar żewġ minuti, waslet ir-reazzjoni tal-Andorra li tefgħu kollox fuq l-attakk billi tefgħu lil Jonathan Perez bħala flying keeper.
Fl-aħħarnett l-Andorra naqsu d-distakk permezz ta’ Diogenes Lino u Ignacio Llamas li għamlu l-iskor finali ta’ 3-2 favur il-Latvja.

Malta vs Ingilterra 0-3
Fit-tieni logħba, quddiem attendenza sabiħa bis-sehem qawwi tas-South End Core, Malta ddebuttaw f’dan l-istess grupp ta’ kwalifikazzjoni kontra l-Ingilterra.
L-Ingliżi fetħu l-iskor wara biss tliet minuti permezz ta’ Ian Parkes li għeleb għal kollox lill-gowlkiper Malti Matthew Mifsud.
Għaldaqstant dan il-gowl serva ta’ injezzjoni għall-Maltin li kienu ferm perikolużi permezz ta’ Matteo Desira Buttigieg, Nicola Del Re u Mark Zammit, li ġew diversi drabi wiċċ imb’wiċċ mal-gowlkiper Ingliż James Dalton.
Wara li l-ewwel taqsima intemmet 1-0, fit-tieni taqsima l-Maltin komplew juru logħob sabiħ u tjiebu ħafna fid-difiża u komplew joperaw bil-kontrattakki.
Madanakollu l-Ingliżi rnexxielhom ikomplu jkabbru darbtejn il-vantaġġ tagħhom permezz ta’ Luke Ballinger fid-29 minuta u Agon Nexha fl-aħħar minuta.

Intant illejla fil-5pm, ikun hemm il-konfront bejn l-Ingilterra u l-Latvja, li huma ż-żewġ sfidanti għar-rebħ tal-grupp.
Warajhom fis-7:30pm, it-tim nazzjonali Malti se jerġa’ jkun fl-azzjoni, din id-darba kontra l-Andorra.
Il-logħob kollu qed jintlagħab fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin u d-dħul huwa b’xejn.