Futsal: Finali mistennija bejn Valletta u Ħamrun Spartans

Ħamrun Spartans u Valletta rnexxielhom jaslu sal-finali tal-Gatorade Elite Round meta huma eliminaw lill-avversarji Lija Athletic u Luxol rispettivament.
L-akbar sorpriża ħolquha Valletta li għelbu liċ-champions Luxol bl-iskor ta’ 4-1 sabiex għaddew b’aggregate ta’ 9-7.
Kienet logħba ta’ livell għoli fejn il-Beltin kienu determinati li jagħmlu l-istorja u jakkwistaw post fil-finali.
Valletta se jilagħbu kontra Hamrun Spartans li ftit sabu diffikulta’ sabiex għelbu lil Lija Athletic bl-iskor ta’ 5-1 sabiex kisbu aggregate ta’ 12-6.
Partita ddominata mill-Ispartans, li wara li għalqu l-ewwel taqsima b’vantaġġ ta’ 2-0, amministraw il-logħba sabiex qatgħu passaġġ għal finali ta’ nhar il-Ġimgħa.
Hamrun u Valletta, rivali eterni fil-futbol imma issa wkoll fil-futsal hekk kif nhar il-Ġimgħa tintlagħab l-aqwa mis-sensiela ta’ tliet logħbiet mill-Gatorade Elite play-offs.
Sadanittant mill-Gatorade L-Ewwel Diviżjoni, Sliema u Sirens ikkwalifikaw billi rebħu s-semifinali rispettivi sabiex issa jikkontendu bejniethom il-kampjonat.
Sirens għelbu lil Zebbuġ bl-iskor ta’ 6-2 filwaqt li l-favoriti Sliema rebħu lil Mqabba 6-4.
Nhar il-Ħamis issir il-finali bejn dawn iż-żewġ timijiet.

Ritratt: Joe Borg