Futsal: Balzan jagħlqu l-istaġun fuq nota pożittiva

Jinżel uffiċjalment is-siparju fuq l-istaġun tal-futsal lokali, wara li Balzan ħarġu rebbieħa kontra Luxol, fil-finali tal-Gatorade Knock Out bl-iskor ta’ 5-4.
Ix-xemx minn filgħodu turik, għaliex wara biss minuta Balzan fetħu l-iskor permezz tal-plejer internazzjonali Bulgaru Boicho Marev.
F’inqas minn tliet minuti, Luxol ġabu d-dro permezz tal-Brażiljan Celino Alves.
Luxol skurjaw żewġ gowls oħra f’din it-taqsima permezz ta’ George Frendo fit-tmien minuta u Peter Pullicino madwar tmien minuti mit-tmiem.
Fit-tieni taqsima, Balzan dehru aktar organizzati u wara biss 40 sekonda reġa’ kien Marev li skurja t-tieni gowl għal Balzan.
Luxol baqgħu hemm u reġa’ kien Peter Pullicino li skurja fir-raba’ minuta tat-tieni taqsima.
Ħames minuti wara waslet ir-reazzjoni Balzaniża meta Glenn Bonello ġab id-dro.
Fl-aħħar sekondi, Balzan tefgħu kollox fuq l-attakk u Marev sar il-plejer addizzjonali bħala flying keeper.
Kien hawn li l-plejer Kroat u kowċ ta’ Balzan Frane Despotovic skurja l-gowl tar-rebħa, meta kien fadal biss disa’ sekondi għat-tisfira finali.
B’hekk Luxol ma setgħu jagħmlu xejn u l-partitarji Balzaniżi bir-raġun bdew jiċċelebraw flimien mal-plejers u d-diriġenti.
Fl-aħħarnett wara li ngħataw il-midalji lir-referis u l-plejers taż-żewġ timijiet, il-President tal-FMA l-Perit Mark Borg ippreżenta t-tazza ta’ din il-kompetizzjoni lil captain Balzaniż Carlo Scicluna.