Futsal: Balzan iżommu għandhom is-Super Cup

Balzan ħadu l-ewwel unur tal-istaġun meta għelbu lil Luxol 3-1 u għat-tielet darba konsekuttiva rebħu s-Super Cup.

Għal din il-finali Balzan iddebuttaw lil Carl Azzopardi, Mark Zammit, Marco Conti, Matthew Attard u Frane Despotovic.

Ta’ min jgħid li l-plejer Kroat Frane Despotovic kien is-surmast fil-piċċ u wera l-perfezjoniżmu u l-esperjenza li għandu.

Luxol li żammew ħafna mill-plejers li kellhom matul l-istaġun li għadda u bħala akkwisti ġodda kellhom lil Peter Pullicino, Celino Alves, Reuben Grech u Omar Toutoungi.

Balzan fetħu l-iskor wara biss żewġ minuti u nofs meta Frane Despotovic qassam direttament lejn Nicola del Re li sab l-ispazju biex jiskurja.

Żewġ minuti wara Balzan irduppjaw l-iskor meta Nicola del Re ħa vantaġġ minn żball difensiv ta’ Luxol u poġġa lil Boycho Marev żmarkat, b’dan tal-aħħar kien pront tefa’ l-ballun fix-xibka.

Matul it-tieni taqsima, ż-żewġ timijiet naqsu xi ftit teknikament, hekk if l-għeja u t-tensjoni bdew jagħmlu tagħħhom.

Tmien minuti mit-tmiem Celino Alves prova jaħsad lil Xerxen li b’diffikulta rnexxielu jitfa’ l-ballun f’korner.

Minuta wara mill-istess korner mogħti minn Peter Pullicino, Celino Alves naqas l-iskor għal 2-1.

Alves li ma tantx kellu logħba tajba, il-gowl ma tantx għenu għax ġie muri l-karta l-ħamra wara żewġ karti sofor f’qasir żmien.

Balzan ħadu vantaġġ mis-sitwazzjoni u għal darb’oħra Marev bix-xutt qawwi tiegħu għamel l-iskor finali 3-1.

Żewġ minuti mit-tmiem, Luxol tefgħu kollox fuq l-attakk u Florin Anton ħareġ bħala flying keeper biex jagħfsu aktar lil Balzan.

Finalment Balzan ikkontrollaw tajjeb is-sekondi finali u wara tmiem il-partita, il-President tal-Futsal Malta Association Mark Borg ippreżenta s-Super Cup lil captain ta’ Balzan Carlo Scicluna.