Futboler Russu laqtitu sajjetta fil-bnazzi

Ritratt: Znamya Truda

Futboler Russu ta’ 16-il sena laqtitu sajjetta meta kien bnazzi waqt li kien jitħarreġ ma’ sħabu f’Orekhovo-Zuevo qrib Moska. Qed jingħad li s-sajjetta ġibditha l-ġiżirana li kellu madwar għonqu.

Ivan Zaborsky bħalissa qed jiġġieled għal ħajtu fi sptar wara li spiċċa f’koma b’ħarqa kbira madwar għonqu fejn kien liebes il-ġiżirana. Vidjo li ttieħed waqt it-taħriġ juri l-leħħa tas-sajjetta meta kien se jixxuttja ballun. B’għaġeb kbir iż-żagħżugħ jidher jixxuttja l-istess ballun sekonda wara li laqtitu s-sajjetta.

Ivan Zaborsky waqa’ fl-art waqt li l-kowċis u l-plejers sħabu marru jiġru lejh waqt li spiċċa fl-art. It-trejner Anton Bason immassaġġjalu qalbu u tah in-nifs  artifiċjali. Jingħad li kien bis-saħħa ta’ hekk li ż-żagħżugħ ma mietx.

Oħtu Karina qalet li ħuha ħareġ mill-koma kemm-il darba imma t-tobba qed jibżgħu li ma jkunx jiflaħ għall-battika li għadda minnha u qed jerġgħu jpoġġuh f’koma sakemm jirkupra saħħtu sew.