10 ijiem bla futbol u futsal f’Malta

Aġġornat 04:34 PM

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol issospendiet il-logħob b’10 ijiem mil-lum. Aktar kmieni din il-ġimgħa l-Assoċjazzjoni kienet ħabbret li b’effett immedjat, il-logħob tal-futbol u tal-futsal li huma organizzati mill-Assoċjazzjoni f’Malta u Għawdex se jintlagħbu wara bibien magħluqa. Dan se jsir bħala prekawzjoni biex ma jkomplix jinxtered il-vajrus COVID-19.

L-Assoċjazzjoni qalet li kif inhuma ċ-ċirkustanzi preżenti, hija fid-dmir li tadotta l-miżuri neċessarji biex tpoġġi l-benesseri pubblika fuq quddiem. L-uffiċjali tal-Assoċjazzjoni u l-istaff mediku huma f’kuntatt mal-awtoritajiet tas-saħħa li qed jagħtu s-sapport tagħhom għal din id-deċiżjoni li ttieħdet.

L-Assoċjazzjoni bħala prekawzjoni kienet qed tesieġi li r-regolament tal-kompetizzjoni Nru 20 għandu jiġi sospiż, sakemm l-affarijiet jerġgħu jiġu għan-normal, u sakemm tinħareġ komunikazzjoni oħra dwar dan mill-Assocjazzjoni.

Nru 20. Ċerimonja qabel u wara l-Partita

a) Qabel tibda l-logħba l-Plejers iridu joħorġu f’nofs il-grawnd flimkien mar-Referee fejn it-timijiet skjerati faċċata ta’ xulxin jieħdu b’idejn xulxin.

b) Wara tmiem il-partita l-plejers huma obbligati li jieħdu b’idejn xulxin qabel joħorġu mill-ground fil-preżenza tal-Uffiċjali tal-logħba.