Futbol Lokali: Tibda t-tielet edizzjoni tas-Summer Cup

Mill-bieraħ ingħatat bidu għal The Convenience Shop Summer Football Cup, bil-logħob kollu li qed jintlagħab fil-Luxol Stadium.
Din is-Summer Cup qiegħda tiġi organizzata għat-tielet sena konsekuttiva fejn fiha jieħdu sehem seba’ timijiet li se jkunu parti mill-kampjonat premier u li ma kienux impenjati f’kompetizzjonijiet Ewropej.
Magħhom se jieħdu sehem Vittoriosa Stars li din is-sena se jilagħbu fl-ewwel diviżjoni, minflok Tarxien Rainbows li għażlu li ma jieħdux sehem.
Minn Grupp A nsibu lil Qormi li bdew fuq sieq ħażina, meta ġew megħluba minn Naxxar Lions bl-iskor ta’ 3-1.
Kienu l-Qriema li fetħu l-iskor fit-43 minuta minn penalti skurjat minn Effiong.
Fit-tieni taqsima ġiet ir-rimonta Naxxarija bi tliet gowls skurjati minn Vella fl-54 minuta, Souza fis-56 minuta u Reano minn penalti fis-77 minuta.
F’logħba oħra minn Grupp A, in-neo-promossi Pieta Hotspurs ġew megħluba bl-iskor identiku ta’ 3-1 minn Balzan.
Bħalma ġara fl-ewwel logħba kien it-tim tellief li mar fil-vantaġġ, għax Pieta fetħu l-iskor wara biss 5 minuti minn penalti skurjat minn Pisani.
Fl-14-il minuta, ir-referì ordna penalti ieħor imma din id-darba lil Balzan.
Kien hawn li Zarate mill-11-il metru ġab id-dro.
Fis-26 minuta, kien awtogowl ta’ Grech li poġġa lil Balzaniżi fil-vantaġġ.
Fl-64 minuta Darmanin għalaq l-iskor finali b’rebħa lil Balzan.
Intant illum ikollna żewġ logħbiet minn Grupp B, fejn fis-6:30pm Mosta jilagħbu kontra n-neo-promossi Zebbug Rangers u fit-8:30pm Floriana jilagħbu kontra Vittoriosa Stars.