Futbol: ​Ġimgħa l-bogħod mill-bidu tal-Kampjonat BOV Premier 2014/15

Meta ninsabu biss ġimgħa l-bogħod mill-bidu tal-kampjonat BOV Premier 2014/15, l-istennija u l-ħerqa fost il-partitarji Maltin bdiet tinħass mhux ħażin.
Ilbieraħ fl-Istadjum Nazzjonali f’Ta’ Qali, Birkirkara ħadu l-ewwel unur tal-istaġun il-ġdid, meta fil-finali tas-Super Cup għelbu lil Valletta bl-iskor ta’ 2-1.
Il-Karkariżi matul l-ewwel taqsima dehru l-aħjar u fetħu l-iskor fis-16-il minuta permezz ta’ Eliandro dos Santos Gonzaga.
Fit-tieni taqsima l-Beltin kellhom aktar ideat u ġabu anki dro fis-57 minuta permezz ta’ Jonathan Caruana.
Dan il-gowl imliehom b’ħafna kunfidenza u għal ftit ma marrux ukoll fil-vantaġġ.
Fid-69 minuta wasal il-gowl deċiżiv ta’ Edward Herrera, li ta lil Birkirkara s-seba’ Super Cup fl-istorja tagħhom.
Ilbieraħ waqt  il-Greens Night, Floriana ppreżentaw il-kit uffiċjali ġdid għall-istaġun 2014/15, flimkien mal-iskwadra magħmula mill-plejers u l-istaff tekniku mmexxija mill-President Riccardo Gaucci.
Il-President Riccardo Gaucci ppremja lid-difensur Andrè Scicluna li kien ġie vvutat mill-partitarji Furjaniżi bħala l-Plejer tas-Sena għall-istaġun 2013/14.
Gaucci ndirizza wkoll lill-partitarji preżenti, fejn ħeġġiġhom biex ikomplu jagħtu s-sapport tagħhom bħalma għamlu meta t-tim kien għaddej minn żminijiet diffiċli.
Stieden lill-Furjaniżi sabiex ikunu wara t-tim għax l-ewwel tliet logħbiet mhumiex faċli.
Fil-fatt Floriana se jiftħu l-kampjonat kontra Hibernians, imbagħad kontra Sliema Wanderers u fit-tielet ġurnata kontra l-ġirien u rivali eterni Valletta.
Intant dalgħodu Tarxien Rainbows waqt konferenza stampa fil-Grand Hotel Excelsior, ippreżentaw tlettax-il plejer ġdid li se jkunu għad-diżpożizzjoni tal-kowċ Clive Mizzi.
Clive Mizzi se jkun kowċ full time mat-tim ta’ Tarxien Rainbows, sabiex filgħodu jkun jista’ jħarreġ lill-plejers barranin fit-tim.