Futbol: Għada tintlagħab Italja-Arġentina … il-Papa ma jafx ma’ min se jżomm

Papa Franġisku jinsab bejn ħaltejn ma' liema tim tal-futbol se jżomm miegħu għada filgħaxija hekk kif fil-grawnd tal-Olimpico f’Ruma se jkun hemm logħba bejn l-Italja u l-Arġentina u se tkun iddedikata propju lil Franġisku.

Waqt l-udjenza fil-Vatikan mal-pleljers taż-żewġ nazzjonali, il-Papa tkellem ħafna dwar l-eżempju t-tajjeb.  Fakkarhom li ħajjithom mhijiex biss ġol-grawnd u li n-nies taf x’qed jiġri fil-ħajja personali tagħhom. Minbarra li għandhom responsabiltà sportiva, il-Papa qallhom li għandhom ukoll responsabiltà soċjali. Ħeġġiġhom ukoll biex fil-grawnd jilgħabu bħala tim wieħed, għax m’hemmx lok għall-individwaliżmu.

Il-Papa fakkar lill-plejers tan-nazzjonal Taljana u Arġentina li qabel ma huma nies popolari, huma wkoll bnedmin komuni, bid-difetti u l-preġi kollha, bil-mumenti ta’ ferħ u ta’ tbatija.  Għalhekk, talabhom biex ikunu bnedmin li jippromwovu l-valuri tal-ħajja.

Fraġisku talab lill-plejers biex jitolbu għalih, biex “fil-grawnd tal-Mulej” ikun jista’ jilgħab logħba onesta u kuraġġuża għall-ġid tal-Knisja Kattolika.

Papa Franġisku appella biex il-futbol ma jispiċċax negozju imma minflok għandu jkompli jiġġieled id-diskriminazzjoni u l-vjolenza biex jerġgħu jibdew jersqu lejn il-grawnd ħafna familji.