Furnar fil-Qorti għax ma riedx jagħmel “wedding cake” għal koppja tal-istess sess

Il-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi Amerikani ddeċidiet li tikteb lill-Qorti Suprema Amerikana biex tagħti opinjoni dwar kawża li hemm quddiemha li tolqot il-liberta’ tal-kuxjenza. L-Isqfijiet Amerikani għamlu dan skont il-proċedura ġudizzjarja li teżisti f’diversi pajjiżi, inkluż f’Malta, magħrufa bħala “Amicus Curiae”.
Aktar kmieni din il-ġimgħa il-Qorti Suprema bdiet tisma argumenti verbali fil-kawża li issa saret magħrufa ħafna, fl-ismijiet Masterpiece Cakeshop vs Colorado Civil Rights Commission.
Il-każ jinvolvi furnar nisrani bl-isem ta’ Jack Phillips li fl-2012 ma aċċettax li jagħmel “wedding cake” għal koppja tal-istess sess li kienu se jiżżewġu.  L-Istat ta’ Colorado qed jipprova jġiegħel lil dan il-furnar li jagħmel kejkijiet għal dan it-tip ta’ klijenti skont liġi magħrufa bħala “Public Accomodations Law” li teżisti f’dan l-Istat.
Il-furnar qed isostni li l-kawża li l-awtoritajiet tal-Istat ta’ Colorado fetħu kontrih tmur kontra l-provvedimenti tal-Kostituzzjoni Amerikana li fl-Ewwel Artiklu tagħha tipproteġi d-drittijiet tal-Liberta’ tal-Kelma u tal-Eżerċizzju Liberu.
Fl-ittra tagħhom lill-Qorti, l-Isqfijiet ta’ Louisville, Philadelphia u ta’ Lincoln qalu li:
“Is-sottomissjonijiet li qed tisma’ l-Qorti huma dwar jekk il-garanziji tal-Liberta tal-Kelma u l-Liberta’ Reliġjuża li toffri l-Kostituzzjoni, humiex se jsibu l-protezzjoni tal-Qorti Suprema tagħna. L-Amerikani, huma ta’ liema twemmin huma jiddependu fuq dawn il-garanziji ta’ liberta’ minn kull indħil tal-Gvern.
“L-Amerika hi kapaċi taqdi lil kull persuna filwaqt li tħalli oġġezzjonijiet tal-kuxjenza li jkunu validi. Aħna qed nitolbu li l-Qorti tibqa’ tippreserva l-kapaċita’ tan-nies li jgħixu l-fidi tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum, indipendentement mix-xogħol tagħhom.
“L-artisti, b’mod partikolari jixirqilhom li jkunu liberi li jesprimu l-ideat tagħhom, jew li jirrifjutaw li joħolqu ċerti messaġġi – skont it-twemmin tagħhom”.
L-Isqfijiet ikkwotaw sentenza mogħtija mill-Qorti Amerikana sentejn ilu fejn kien deċiż li nies li jopponu ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess jaslu għal din il-konklużjoni  bażata fuq premessi reliġjużi jew filosofiċi diċenti.  Huma sostnew li “Professjonisti kreattivi għandhom jitħallew jużaw it-talenti artistiċi tagħhom skont dawn il-konvinzjonijiet diċenti”.
Is-sentenza dwar dan il-każ mistenni li tingħata f’Ġunju li ġej.