Fuq talba ta’ Sant, il-KE tintalab tipposponi data għal direttiva tal-assikurazzjoni

L-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D) fil-Parlament Ewropew għada se tkun qed tivvota sabiex fuq oġġezzjoni tal-Ewroparlamentari Malti, Alfred Sant, tiġi posposta d-data tal-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Assikurazzjoni.
Ix-xahar li għadda Sant talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tisma’ lill-kumpaniji Maltin tal-assikurazzjoni u ttawwal iż-żmien biex timplimenta direttiva dwar l-assigurazzjoni.
Din id-direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet neċessarji għal kompetizzjoni ġusta bejn id-distributuri tal-prodotti tal-assigurazzjoni u toħloq aktar opportunitajiet għal negozju fi ħdan il-pajjiżi membri tal-UE.
Il-vot ta’ għada se jittieħed fil-Kumitat tal-Ekonomija u l-Finanzi tal-Parlament Ewropew (ECON).
Sant kien saħaq ħafna dwar in-nuqqas ta’ żmien biex issir b’mod xieraq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Assikurazzjoni.
L-iskadenza tat-23 ta’ Frar tolqot ħażin ħafna l-operaturi tal-assigurazzjoni fi stati żgħar tal-UE, inkluż Malta, qal Dr Sant lil Kummissjoni Ewropea.