Fuq l-għatba tal-iskola; Sejħa mill-Gvern għall-għalliema

Sejħa għal applikazzjonijiet għal ‘Għalliema tal-Edukazzjoni Primarja (Ġenerali)’ mill-Ministeru għall-Edukazzjoni fuq Facebook jumejn ilu, instigat diskussjoni fuq il-midja soċjali … l-iktar minn dawk li diġà qed jaħdmu fil-qasam tat-tagħlim.

Bosta edukaturi qed jistaqsu kif din ġiet irreklamata ftit ġranet biss qabel ma tibda s-sena skolastika.

Il-ġimgħa li għaddiet, propjament il-Ħamis waranofsinhar, il-Ministeru ħareġ applikazzjonijiet għall-postijiet ta għalliema sekondarji / post-sekondarji fuq Facebook għal dawn is-suġġetti: Kimika, Disinn u Teknoloġija, Ingliż, Ġermaniż, Fiżika, Mużika u Edukazzjoni Fiżika.

Applikazzjonijiet għall-postijiet kollha (inkluża dik għall-iskola primarja) huma miftuħa sa nofsinhar nhar it-Tnejn, l-1 ta’ Ottubru 2018, jiġifieri wara ħafna minn meta l-iskejjel jiftħu l-bibien tagħhom għall-ewwel jum tal-iskola.

Kummenti oħra fuq Facebook, kienu jinkludu messaġġ ta’ raġel, li lmenta li r-reklam tal-Ministeru ppromwova sterjotipi dwar l-impjiegi. Dan minħabba li l-viżwal li ntuża fir-ritratt juri għalliema mara.