“Fuq ir-rubini m’aħniex imma…” – Sandro Camilleri; “nittammaw li l-overtime jinqasam bejn kulħadd” – MPA

Il-President tal-Police Officers Union-GWU, Sandro Camilleri qal li s-sitwazzjoni tal-Pulizija li jaħdmu fixed points bdiet imorru għall-aħjar filwaqt li l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija Maltija qalet li ma kinitx ikkonsultata dwar din id-deċiżjoni għalkemm taraha bħala waħda pożittiva.
Sorsi qrib il-pulizija kienu tkellmu ma' Newsbook.com.mt u lmentaw li jinsabu taħt pressjoni żejda biex jaħdmu l-fixed points bħala overtime.
Newsbook.com.mt kien bagħat mistoqsijiet lill-Korp u liż-żewġ unjins tal-Pulizija u din kienet l-ewwel darba li Camilleri għamel referenza għalihom.
Minkejja li diversi Pulizija lmentaw dwar dan, l-Ispettur Camilleri faħħar is-sistema bħala pass importanti u rringrazzja lill-kummissarju u lill-Ministru tal-Intern.
L-Ispettur Camilleri sostna li l-fixed points minn dejjem tqisu bħala piż iżda fakkar li huma parti mix-xogħol tal-pulizija.
Camilleri saħaq li wara diversi ilmenti, il-Pulizija se jkollhom l-opportunità li jaħdmu overtime u insista wkoll li mhux se jonqsu l-Pulizija mid-distretti biex jaħdmu fixed points.
Camilleri qal li hemm bżonn ikun hemm iżjed kaxxi adegwati u faċilitajiet sanitarji għall-Pulizija li jaħdmu fixed point. Saħaq ukoll li jkun aħjar jekk il-ħin jinqasam u mhux pulizija wieħed jispiċċa jagħmel 8 sigħat sħaħ fl-istess post.
'Ma konniex ikkonsultati dwar meta se jimplementawha' – MPA
Min-naħa tagħha, il-Malta Police Association, l-MPA, qalet ma’ Newsbook.com.mt li filwaqt li kienu saru laqgħat mal-ministru preċendenti dwar il-fixed points, biex dawn  isiru overtime huma ma kinux ikkonsultati dwar meta din id-deċiżjoni se tiġi implimentata.
Dwar id-distretti affettwati, l-MPA qalet li huma ma jinsabux infurmati dwar liema distretti se jintlaqtu għalkemm skoni is-sorsi li kienu tkellmu magħna d-distretti kollha li għandhom fixed points kienu se jintlaqtu l-istess.
Is-sorsi li tkellmu ma' Newsbook.com.mt kienu qalu li ġew infurmati f’inqas minn 12-il siegħa li għandhom jirrappurtaw għax-xogħol u li l-fixed points saru sahra.
L-MPA kkwotat il-Direttiva tal-Ħinjjiet tax-Xogħol fejn persuna ma tistax tiġi mġiegħla taħdem aktar minn 48 siegħa fil-ġimgħa jekk mhux bil-kunsens tal-individwu.
Jekk il-pulizija jkunu obbligati jagħmlu iktar minn 48 siegħa, allura l-korp ikun qed imur kontra l-istess direttiva. L-MPA sostniet li s-sigħat ta’ sahra għandhom jkunu mqassma b’mod ekwu bejn kulħadd.
L-MPA qalet ukoll li ma għandha l-ebda inromazzjoni bl-istopleave għall-pulizija b’rabta mal-V18.
L-MPA żidet tgħid li kellha ħafna ilmenti mill-pulizija li l-extra duty naqset u għalhekk naqas id-dħul għall-membri. L-extra duty hija l-unika mezz ta’ introjtu barra mill-paga stabbilita.
Għalhekk saħqet li d-deċiżjoni tal-fixed points bħala overtime hija waħda pożittiva u żżid id-dħul tal-pulizija.