Funeral mill-Istat għal Prof. Oliver Friggieri

Read in English.

Il-Professur Oliveri Friggieri se jkun qed jingħata l-aħħar tislima permezz ta’ funeral li se jiġi organizzat mill-Istat. Dan tħabbar fi stqarrija mill-Gvern illum waranofsinhar.

Kien spjegat li l-gvern ilbieraħ iddeċieda li l-funeral ta’ Prof. Friggieri jiġi organizzat mill-Istat b’rikonoxximent għall-kontribut straordinarju li wettaq b’risq il-pajjiż u niesu tul il-karriera tiegħu.

Il-Professur Friggieri ma kienx biss kittieb prolifiku mill-aqwa u ġgant tal-letteratura Maltija, iżda x-xogħlijiet tiegħu tradotti f’diversi lingwi kisbu wkoll rikonoxximent fuq livell internazzjonali.

Għaldaqstant, wara li lbieraħ ġiet komunikata d-deċiżjoni tal-gvern, illum l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kellu laqgħat mal-familja tal-Professur Friggieri biex flimkien magħhom isiru l-arranġamenti neċessarji fl-organizzazzjoni tal-funeral.

Id-dettalji dwar il-funeral tal-Professur Friggieri jitħabbru aktar tard.