Funeral Kaptan Gozo Channel: “Raġel bilgħaqal u ta’ eżempju kbir”

Dalgħodu ngħatat l-aħħar tislima lil Paul Muscat, li kien kaptan tal-Gozo Channel u li nhar il-Ġimgħa nstab mejjet flimkien mas-sieħba tiegħu, Diane Ainsley f’kamra f’għalqa fi Mġarr ix-Xini.
It-tebut inġarr mill-kollegi tiegħu tal-Gozo Channel u kien mgħotti b’bandiera tal-kumpanija.
Il-funeral fil-Knisja Parrokkjali ta' Ħal Tarxien kien ikkonċelebrat minn Fr Hilary Tagliaferro, li qal ma’ Newsbook.com.mt li ilu jaf lil Paul minn meta kienu żgħar u kienu jmorru l-oratorju ta’ Ħal Tarxien flimkien.
Huwa kompla jgħid li Paul, li kellu 59 sena, kien raġel bilgħaqal, rispettabli u ta’ eżempju kbir.
Fr Hilary saħaq li minn dejjem kellu kwalitajiet sbieħ ħafna, u minn dejjem kien juri li kien bniedem li jaf imexxi u jorganizza, u dawn il-kwalitajiet qal li kienu jidhru f’xogħlu mal-Gozo Channel.
Fil-jiem li għaddew iben Diane, kiteb ittra lil ommu fuq Facebook. Fost l-oħrajn stqarr li qatt ma ħaseb li l-ewwel funeral li kellu jattendi kien se jkun ta’ ommu.
Mill-awtopsja rriżulta li l-kawża tal-mewt ta’ Paul u Diane kien il-monossidu tal-karbonju li ħareġ mill-cooker.  Hu mifhum ukoll li l-koppja kienet ilha mejta tlett ijiem.
Filmat ta' nhar il-Ġimgħa li għadda: