Fujifilm tixtri l-kontroll ta’ Xerox

Fujifilm Holdings Corp se tikseb kontroll ta’ Xerox Corporation, fi ftehim li se joħloq kumpanija vvalutata għal madwar 18-il biljun dollaru Amerikan.L-azzjonisti ta’ Xerox se jirċievu dividend speċjali ta’ 2.5 biljun dollaru, madwar 9.80 dollaru kull sehem.
Dan il-ftehim se jwassal biex jitkeċċew mal-10,000 ħaddiem globalment, hekk kif Fujifilm se tkun qed twettaq proċess ta’ ristrutturazzjoni sostanzjali. Il-kumpanija l-ġdida, Fuji Xerox, se tkun illistjata fuq il-Borża ta’ New York, u se jkollha kwartieri ġenerali doppji, wieħed f’Connecticut, fl-Istati Uniti, u l-ieħor f’Tokjo, fil-Ġappun.
Filwaqt li Xerox kienet famuża għall-produzzjoni ta’ hardware, bħall-printers u scanners, riċentement kienet qed issofri bil-bosta il-kompetizzjoni ta’ Canon u kompetituri Ażjatiċi oħra, barra mill-fatt li l-komunikazzjoni elettronika naffret il-ħtieġa ta’ prodotti bħal printers. Minflok, hu mifhum li l-kumpanija l-ġdida se tiffoka fuq setturi innovativi bħall-inkjet, imaging u l-intelliġenza artifiċjali.
Jeff Jacobson, il-Kap Eżekuttiv ta’ Xerox, se jkun is-CEO tal-kumpanija konġunta. Fl-aħħar ġimgħat, Fujifilm baxxiet it-tbassir għad-dħul tagħha għas-sena sa Marzu 31, minħabba dak li ddefiniet bħala “ambjent diffiċli”. Mal-pubblikazzjoni tal-aħbar tal-akkwist ta’ Xerox, l-ewwel reazzjoni tas-suq kienet tnaqqiss ta’ madwar 8% fl-ishma, biex l-valur niżel għall-aktar livell baxx minn Awwissu.
Investiment fil-kannabis fil-Kanada

Medmen, kumpanija tal-farmaċewtika Amerikana li topera kemm ċentri ta’ distribuzzjoni kif ukoll faċilitajiet ta’ produzzjoni fi tliet Stati, hija waħda mill-akbar produtturi ta’ kannabis medika. Madankollu, biex tkompli fit-triq ta’ tkabbir, qed tħares lil hinn mill-konfini Amerikani, preċiżament fil-Kanada.
Dan għaliex, skont Arcview Group, li hija kumpanija ta’ riċerka u investiment dwar il-kannabis, spjegat li s-sitwazzjoni legali u regolatorja fl-Istati Uniti ma tippermettix l-iżvilupp ulterjuri tal-industrija. Min-naħa l-oħra, il-Kanada, toffri soluzzjonijiet aktar flessibbli għal investiment f’dan is-settur.
Medmen għandha wkoll fond speċfiku biex tappoġġja l-investiment f’dan il-qasam. MedMen mistennija li tapplika biex tillistja fuq il-Canadian Securities Exchange (CSE) li hija pjattaforma ta’ skambju alternattiv. Waħda mill-kwistjonijiet li ma tippermettix li kumpaniji ta’ dan it-tip jinvestu f’boroż Amerikani huwa l-fatt li dawn għandhom regoli ferm stretti ta’ kapital u dħul, xi ħaġa li mhix faċli għall-kumpaniji tal-kannabis, minħabba li s-suq hu meqjus bħala riskjuż wisq minn investituri istituzzjonali. Min-naħa l-oħra r-restrizzjonijiet tas-CSE huma anqas konsiderevoli.
MedMen mhix l-ewwel kumpanija Amerikana f’dan is-settur li fittxet li tespandi l-operat tagħha b’dan il-mod fil-Kanada. Alternate Health u iAnthus Capital, huma żewġ kumpaniji oħra li mxew fl-istess triq, b’kapitalizzazzjoni ta’ madwar 230 miljun dollaru.
Jiskarsa ċ-ċitru għall-fwejjaħ

Givaudan SA u produtturi oħra ta’ prodotti bil-fwieħa bdew l-2018 b’ġirja sħiħa biex jidentifikaw sorsi alternattivi għaċ-ċitru wara tnaqqis qawwi tal-provvista wara nirien li ħakmu impjant tal-aromakimika is-sena li għaddiet.
Dan wassal biex l-industrija tal-fwejjaħ qed taffronta nuqqas qawwi ta’ prodotti li joriġinaw miċ-ċitru, u l-akbar produttur fl-Ewropa, Givaudan, qed jaħdem fuq sorsi ta’ provvisti alternattivi, filwaqt li jgħin lill-konsumaturi jnaqqsu l-użu ta’ ċertu ingredjenti
Il-manifattur Svizzeru, li għadu kif irrapporta ċifri ta’ bejgħ rekord fl-2017, spjega kif il-prezzijiet tal-materja prima żdiedu b’aktar minn 6% din is-sena, f’perjodu ta’ talba aktar u provvista limitata. Dan se jwassal biex il-kumpanija jkollha tgħolli l-prezzijiet tal-prodotti tagħha.
Il-kumpanija għandha valur ta’ 22 biljun dollaru, b’kull sehem jiswa aktar minn 2,200 frank Svizzeru. Fil-prodotti tagħha hija tuża mal-10,000 tip ta’ materja prima differenti, u għaldaqstant is-sigurtà tal-provvista mhix ħaġa faċli. Madanakollu, hi ma tkabbarx prodotti hija stess.
Min-naħa taħgha, BASF qalet li x-xogħol fil-fabbrika maħkuma min-nirien f’Ludwigshafen, fil-Ġermanja, se jibda f’Marzu, iżda l-materjal mhux se jkun disponibbli qabel Mejju jew Ġunju. Dan in-nuqqas wassal biex kumpaniji oħra bħal Symrise AG tieħu d-deċiżjoni li tibda tkabbar il-prodotti meħtieġa hija stess.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.