Fudge, ħelu magħmul mill-ħalib magħqud tal-bott

Ingredjenti

1 bott ħalib magħqud ta’ 397g

450g zokkor ismar

120g butir imqatta’ kubi

125m ħalib

nitfa melħ

Metodu

Iksi b’karta strazza landa kwadra ta’ 20ċm. Poġġi tazza bl-ilma fil-freezer, inkella fil-friġġ imma b’biċċiet tas-silġ.

Poġġi l-ingredjenti kollha f’kazzola, minbarra l-melħ, fuq nar bati. Ħawwad il-ħin kollu sakemm il-butir idub u z-zokkor ikun dab għal kollox.

Għolli n-nar u għalli għal 10 minuti. Ħawwad il-ħin kollu biex it-taħlita ma teħilx mal-qiegħ u tinħaraq.

Meta t-taħlita tonqos u tiswied daħħal kuċċarina fiha u qattarha fl-ilma kiesaħ. Jekk it-taħlita fl-ilma tkun ratba u jekk tagħfasha titgħaffeġ x tkun tajba. Imma jekk teħel ma subgħajk tkun trid tgħalliha 2-3 minuti oħra.

Żid il-melħ u ħabbat tajjeb it-taħlita. Ħalliha fil-kazzola 10 minuti. Wara erġa’ ħabbat mill-ġdid u ħalliha toqgħod għal 5 minuti oħra.

Ferragħ fil-landa ppreparata u llixxja l-wiċċ b’wara ta’ mgħarfa.

Daħħal fil-friġġ għal mil-lanqas 3 sigħat sakemm tagħqad tajjeb u meta ddaħħal sikkina fiha ma teħilx. Wara neħħi l-fudge mil-landa u aqtagħha f’biċċiet ta’ 6cm x 6cm.