Ftuħ uffiċjali jiċċelebra r-restawr tal-Kripta tal-Granmastri fil-Konkatidral ta’ San Ġwann

DOI/Jeremy Wonnacott

Read in English.

Nhar it-Tlieta 3 ta’ Marzu 2020, saret l-inawgurazzjoni u l-ftuħ uffiċjali tal-Kripta tal-Granmastri tal-Kavallieri, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Il-proġett ta’ restawr u ta’ konservazzjoni biex jipproteġi dan il-wirt uniku sar possibli b’finanzjament u ħidma kontinwa mill-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann – proġett li sewa’ ma’ nofs miljun Ewro.

DOI/Jeremy Wonnacott

Preżenti għall-inawgurazzjoni: L-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Charles J. Scicluna, l-Arċisqof ta’ Malta, José Herrera – Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali, il-President tal-Fondazzjoni Wilfrid Buttigieg u l-Kuratur/CEO Cynthia de Giorgio li ndirizzaw lill-mistiedna preżenti.

L-aqwa espessjoni kulturali Ewropea li tiltaqa’ wkoll ma’ patrimonju kbir ta’ fidi – l-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna

L-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna fakkar f’kemm il-Kavallieri tal-Ordni ħallew patrimonju kbir, huwa wkoll wirt muri fil-kelma ta’ Ġesù: “jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (Ġw 12,24). Fiha l-Kavallieri għożżew dak li ħallew warajhom fit-tama tal-qawmien mill-imwiet, li xtaqu li jindifnu fl-iktar post għażiż tal-knisja konventwali tal-Ordni. Huwa saħaq li fil-Kripta tal-Gran Mastri naraw l-aqwa espessjoni kulturali Ewropea li tiltaqa’ wkoll ma’ patrimonju kbir ta’ fidi.

DOI/Jeremy Wonnacott

Il-Ministru semma’ li l-wirt kulturali huwa valur imprezzabbli u mera tal-istorja li bih tista’ titfassal u tissaħħaħ strateġija kulturali nazzjonali, li tgħin fl-iżvilupp ta’ viżjoni għall-ġejjieni. Minħabba li l-wirt kulturali huwa sotto-valutat, jinħtieġu modi ġodda ta’ finanzjament għall-konservazzjoni – wirt li joħloq l-impjiegi u sors ewlieni ta’ identità u valuri nazzjonali. Herrera semma’ li l-Gvern, flimkien mal-Knisja huma kommessi li jkomplu jsostnu l-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann – li hija storja ta’ suċċess li qed twettaq xogħol imprezzabbli ta’ restawr u konservazzjoni. Huwa saħaq li wara l-investiment fir-restawr issa jeħtieġ investiment li jagħti valur miżjud għat-turisti li jżuruna, u lill-poplu Malti li jixraqlu kwalità ta’ ħajja aħjar, anke fil-protezzjoni ta’ ġojjelli artistiċi li bih huwa mogħni pajjiżna.

Archdiocese of Malta/church.mt

Wilfrid Buttigieg, il-President tal-Fondazzjoni spjega li wieħed mill-għanijiet tal-Fondazzjoni mhux biss li tirrestawra, imma wkoll biex tikkonserva l-patrimonju storiku, reliġjuż u artistiku fil-binja tal-Konkatidral. F’isem il-Fondazzjoni huwa faħħar u rringrazzja x-xogħol eċċellenti li sar matul is-snin. Huwa spjega li l-Kripta tal-Gran Mastri ġibdet lejha esperti f’diversi oqsma – bħal periti, inġiniera, konservaturi, storiċi tal-arti u ħaddiema tal-id li ħadmu flimkien għal għan wieħed. Il-President irringrazzja wkoll lil membri tal-Kunsill li ħadmu fil-passat, flimkien mat-tim eżekuttiv tal-Fondazzjoni li ħadmu biex illum il-Kripta hija aċċessibli għal komunità Maltija kif ukoll għal numru kbir ta’ turisti li jżuru l-Konkatidral kull sena.

Il-President ikkonkluda billi stieden lill-imsieħba kollha fil-qasam tal-kultura u l-arti, il-midja, il-Knisja u l-politiċi biex flimkien mal-Fondazzjoni jissapportjawha fil-missjoni tagħha ta’ kustodja u ta’ protezzjoni, ta’ waħda mill-aqwa postijiet turistiċi prestiġjużi u wirt storiku dinji.

Il-proċess ta’ konservazzjoni ħa madwar 15-il sena

Il-Kuratur tal-Konkatidral, Cynthia de Giorgio tkellmet fuq il-proċess ta’ restawr u konservazzjoni: proċess li ħa madwar 15-il sena. Dan beda mill-monitoraġġ tal-klima li kienet qed tagħmel ħsara fuq il-ġebla tal-monumenti u l-oqbra tal-Gran Mastri. Wara sar ir-restawr – proċess delikat li kien jeħtieġ trattament speċifiku għal kull artifatt. Il-proċess ta’ restawr uża wkoll l-aħħar teknoloġija bħan-nano-technlogy. Il-Kuratur spjegat li wara saret l-installazzjoni tal-apparat biex iżżomm livelli klimatiċi konsistenti tat-temperatura u umdità relattiva.

Archdiocese of Malta/church.mt

Il-Kuratur esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal dan il-proġett li twettaq b’suċċess – u li issa il-Kripta hija aċċessibli għall-għarfien u l-interess ta’ ġenerazzjonijiet futuri.

Fl-aħħar l-Arċisqof bierek il-Kripta tal-Gran Mastri li inawgura dan il-proġett formidabbli. L-inawgurazzjoni fetħet mill-ġdid l-aċċess tal-Kripta għall-viżitaturi tal-Konkatidral li jilqa’ fih ‘il fuq minn nofs miljun turist fis-sena. Il-Kripta tal-Konkatidral hija aċċessata minn taraġ fil-Kappella tal-Lingwa ta’ Provence, u tista’ tiġi apprezzata minn wara bieb tal-ħġieġ.