Ftuħ tal-iskejjel: “Sfida kbira biex jiġi implimentat il-protokoll” – MUT

Aġġornat 07:44 PM

Read in English.

L-MUT qalet li l-pożizzjoni tagħha dwar il-ftuħ tal-iskejjel tiddependi fuq l-implimentazzjoni tal-protokoll u skont xi tkun is-sitwazzjoni tal-pandemija fil-ġimgħat li ġejjin.

Fi stqarrija ftit wara li ntemmet il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern, l-MUT qalet li l-protokoll imħabbar se jġib sfida kbira biex jiġi implimentat u qalet li jeħtieġ diskussjonijiet intensivi.

Stqarret li l-protokoll huwa “neċessarju sabiex kulħadd ikun infurmat dwar l-istandards li ser japplikaw għall-iskejjel”. L-MUT dejjem sostniet dwar il-ħtieġa li dawn jiġu ppublikati. L-MUT spjegat li l-publikazzjoni tal-protokoll huwa pass wieħed mill-mixja twila li għad trid issir.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni Frank fabri u mis-Supretendent għas-Saħħa pubblika il-Professur Charmaine Gauci.

L-MUT temmet tgħid li se tibqa’ f’kuntatt mal-membri matul dawn il-jiem u ġimgħat biex tisma’ u tagħti l-informazzjoni mitluba.

Diverġenzi fir-rapport – UPE

Il-UPE qalet li mal-ewwel daqqa t’għajn lejn ir-rapport tal-protokoll li fih 35 paġna, jidher li hemm diverġenzi bejn dak li ntqal fil-konferenza tal-aħbarijiet u dak li hemm miktub.

Fl-ewwel reazzjoni għal dak li tħabbar, il-UPE qalet li se titlob lill-Ministeru għal kjarifiċi dwar dan u stqarret li fl-ebda mument ma ġiet murija dan ir-rapport qabel dan sar pubbliku.