Ftuħ tal-iskejjel: It-tagħlim online għandu jibqa’ disponibbli – WHO

Read in English.

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li l-iskejjel għandhom jinfetħu mill-ġdid b’miżuri proattivi biex jinfurzaw il-ħasil tal-idejn, l-ilbies tal-maskri u t-tbegħid soċjali. Madankollu, it-tagħlim online jaf jibqa’ bżonjuż.

Dan ingħad f’laqgħa bejn il-WHO u l-Ministeri tas-Saħħa u tal-Edukazzjoni Ewropej, fosthom il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne. Huwa kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici u mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci.

Il-WHO qalet li jeħtieġ li jkun hemm policies speċifiċi għal tfal li għandhom bżonnijiet akbar biex jitgħallmu jew kundizzjonijiet tas-saħħa, u anke għall-edukaturi li huma vulnerabbli minħabba xi kundizzjonijiet li jaf għandhom.

Minkejja li l-WHO temmen li l-iskejjel għandhom jinfetħu, sostniet li t-tagħlim online għandu jkun disponibbli għal meta l-iskejjel jaf ikollhom jingħalqu, jew anke għal dawk it-tfal u l-għalliema li għandhom xi kundizzjonijiet mediċi.

Il-Gvern għadu ma ppubblikax il-protokolli fuq il-ftuħ tal-iskejjel f’Settembru. Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-iskejjel se jiftħu fit-28 ta’ Settembru, u li l-awtoritajiet edukattivi u tas-saħħa qed jaħdmu fuq protokolli li għandhom jimxu magħhom l-iskejjel ladarba jiftħu.

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa osservat ukoll li l-għeluq tal-iskejjel jaf ikollu effett serju fuq saħħet it-tfal, partikolarment fir-rigward tas-saħħa mentali.

Semmiet kif għalkemm it-tfal jistgħu ilaqqtu u jittrażmettu dan il-virus, huma ma kinux affettwati wisq mill-virus, billi l-maġġoranza tal-każijiet fost it-tfal kienu bla sintomi jew każijiet mhux inkwetanti.