Ftuħ ta’ slip roads u korsiji ġodda fil-Marsa-Ħamrun Bypass

DOI - Kevin Abela

Sar ftuħ ta’ slip roads u korsiji ġodda li jingħaqdu mal-arterja prinċipali li hija l-Marsa-Ħamrun Bypass. Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Infrastruttura kien spjegat li dawn it-toroq jiffurmaw parti minn proġett ta’ €2.25 miljun li jibni fuq investiment ieħor ta’ €5 miljun li sar fuq din il-konnessjoni fl-2018.

Il-Marsa-Ħamrun Bypass hija parti min-network TEN-T, proġett li qed jaħdem fuq l-effiċjenza ta’ din l-arterja, kif ukoll konnessjonijiet bejn Birkirkara, Santa Venera, Ħal Qormi, il-Ħamrun u l-Marsa.

Il-Ministru Ian Borg qal li “waħda mill-korsiji l-ġodda tingħaqad ma’ waħda li nbniet fl-2018 biex setgħet tibda tintuża proprju f’din il-fażi. Bħall-proġett tas-Central Link, dawn il-konnessjonijiet qed imexxu t-traffiku minn ġewwa ċ-ċentri residenzjali tal-lokalitajiet għall-arterji prinċipali.”

Kien spjegat li dawn il-konnessjonijiet ġodda jinkludu slip road minn Triq il-Kanun għall-karreġġjata lejn in-nofsinhar tal-bypass u korsiji fl-off-slip mill-istess karreġġjata lejn Triq Ħal Qormi fid-direzzjoni lejn il-Ħamrun jew Ħal Qormi. Biex dawn iż-żewġ konnessjonijiet jingħaqdu se tkun qed tinfetaħ ukoll ir-raba’ korsija lejn in-Nofsinhar matul din il-bypass. Il-proġett jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid tal-ħitan tal-pont (flyover wing walls) u partijiet mill-ħajt tar-rampa tal-ħruġ mill-mini ta’ Santa Venera. Din ir-rampa u tnejn mill-ħitan tal-pont huma mibnijin u issa nfetħu wkoll il-korsiji li ngħalqu minħabba dawn ix-xogħlijiet. Fil-ġimgħat li ġejjin, Infrastructure Malta se tkun qed tibni l-bqija tal-ħitan tal-pont u se timmodifika u tagħti wiċċ ġdid lir-roundabout ta’ taħtu.