Ftit sigħat ‘il bogħod mill-falliment jew le tal-Greċja

Il-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras ħabbar li l-pjan il-ġdid li qed tipproponi Ateni, joffri “soluzzjoni definittiva” għall-kriżi ekonomika li daħlet fiha l-Greċja u mhux se jkun qed jipposponi l-problema. 
Il-miżuri proposti ġew ippreżentati lill-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, lill-President Franċiż Francois Hollande u lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker.  Skont imejl li ntbagħtet mill-uffiċċju tal-Prim Ministru Grieg, il-proposti tal-Greċja se jkunu ta’ benefiċċju għal kulħadd. 
Il-proposti ġew ippreżentati sabiex il-Greċja tipprova ma tħallasx lura lill-Fond Monetarju Internazzjonali, is-self ta’ €1.6 biljun. 
Tsipras għada se jiltaqa’ mal-mexxejja tat-18-il pajjiż li għandhom il-munita ewro. 
Il-laqgħa straordinarja tal-Grupp tal-Ewro fuq is-sitwazzjoni tal-Greċja se ssir f’nofsinhar minflok fit-tlieta.  Il-laqgħa tal-ministri se sservi ta’ preparazzjoni tas-summit li se jibda fis-sebgħa ta’ għada filgħaxija fi Brussell. 
Suppost, il-Greċja għandha ċans sal-aħħar ta’ Ġunju biex tħallas lura d-dejn u dan sabiex ma jsirx aktar dannu lill-munita ewro u possibilment lill-Unjoni Ewropea. 
Jekk il-Greċja ma jirnexxilhiex tħallas dejnha, se tniżżel isimha fl-istorja u jkollha tiddikkjara li hi pajjiż fallut.