Ftit minuti jiswew lill-‘Google’ mijiet ta’ eluf ta’ Ewro

Il-kumpanija ġganteska fil-qasam tat-teknoloġija, Google esperjenzat qtugħ fis-servizzi tagħha, liema ħsara damet biss għal inqas minn ħames minuti iżda madankollu l-użu tal-internet b’mod globali esperjenza tnaqqis ta’ madwar 40% fit-traffiku ġġenerat.

Skont rapporti ta’ kumpanija li tanalizza t-traffiku ta’ ‘data’ fuq l-internet, jidher li ftit qabel is-siegħa ta’ filgħodu tas-Sibt, is-servizzi kollha tal-kumpanija Google inkluż is-‘search engine’, is-servizzi tal-gmail, ‘Google Drive’ u numru ta’ ‘apps’ fuq iċ-ċellulari kif ukoll is-sit ‘YouTube’ esperjenzaw problema li wasslet biex jinqatgħu is-servizzi kollha li dawn joffru. Dan mhux biss wassal biex l-użu ta’ traffiku ta’ ‘data’ ġġenerat niżel b’ 40% iżda wkoll ikkawża użu  qawwi ta’ traffiku ladarba s-servizzi ġew lura għan-normal.

Huwa rrappurtat li dawn il-ftit minuti ta’ ‘blackout’ swew lill-kumpanija Google mat-€380,000.