Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne stqarr li r-rapport tal-Awditur Ġenerali jindika tħassib serju. Iċċara li fiż-żmien li jkopri r-rapport hu kien Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għas-Saħħa.
F’post fuq Facebook, Chris Fearne ddikjara li hu ma kien involut “assolutament xejn” f’xi negozjati li ssemmew mill-Awditur li setgħu saru qabel ma ħareġ l-RfP u lanqas kien infurmat dwarhom. Sostna li r-rapport tal-Awditur jikkonferma dan b’mod ċar. “Jien lanqas biss kont naf bl-eżistenza tal-MOU”, stqarr Fearne.
Il-Ministru għas-Saħħa qal li anke l-Awditur jikkonferma li s-Segretarjat għas-Saħħa (kif ukoll il-Ministru tal-Finanzi) inżamm kompletament barra mill-ħruġ tal-RfP.
Minn naħa tiegħu, it-Tlieta filgħaxija, l-eks Ministru Konrad Mizzi qal li l-Kabinett kien infurmat dwar il-ftehim mal-VGH.
It-Tlieta filgħaxija, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia appella lill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat biex jerfgħu r-responsabbiltà politika.