In-Nunzju Appostoliku għall-Korea u l-Mongolja, l-Arċisqof Alfred Xuereb iddeskriva bħala “verament storiku”, is-summit ta’ bejn il-President Amerikan Donald Trump u l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un.
F’intervista mal-Vatican News, Mons. Xuereb li ilu jaqdi l-missjoni tiegħu f’Seoul għall-aħħar ġimgħat, stqarr li l-Knisja tinsab “mimlija tama u konvinzjoni” iżda twissi li dan għadu biss il-bidu ta’ proċess twil għall-paċi.
Iddeskriva l-bidu bħala “pożittiv u tajjeb ħafna” b’diskors konċiljatorju dwar il-paċi.
L-Arċisqof Xuereb, semma kif kull nhar ta’ Tlieta, fil-Konkatidral ta’ Seoul, isir talb speċjali għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni. Fakkar kif l-Isqfijiet Koreani pproponew li ssir novena bejn is-17 u l-25 ta’ Ġunju.
Saħaq li s-Santa Sede tixtieq toffri l-appoġġ għal kull inizjattiva favur id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni.
Min-naħa tiegħu, il-Papa Franġisku għamel talb speċjali għas-suċċess tas-summit, quddiem folla ta’ madwar 20,000 pellegrin miġbura fi Pjazza San Pietru.