Ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u Heritage Malta

Ritratt: DOI/MHAL

Read in English.

Heritage Malta u l-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann għadhom kemm iffirmaw Memorandum ta’ Ftehim, liema Memorandum ifisser il-bidu ta’ kollaborazzjoni importanti bejn iż-żewġ entitajiet.

Fost diversi għanijiet, l-Aġenzija Nazzjonali u l-Fondazzjoni se jkunu qed jistudjaw il-possibilità li l-istudenti, żgħażagħ u anzjani illi jużaw l-iskema tal-passaport ta’ Heritage Malta jkunu jistgħu jżuru wkoll il-Konkatidral. L-entitajiet se jkunu qed jesploraw ukoll modi ta’ kif żjara fil-Konkatidral tista’ tiġi abbinata ma’ żjara tal-MUŻA, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti. MUŻA illum huwa pjattaforma unika għall-arti, li jibni pont bejn l-artist u l-pubbliku.

“Il-Fondazzjoni tħaddan l-għan tagħna illi nippreservaw il-wirt kulturali tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri. Dan il-ftehim huwa eżemplari fil-mod ta’ kif l-Istat u l-Knisja jistgħu jikkollaboraw flimkien,” tenn il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Dr José Herrera.

“Konvint illi dan il-Ftehim ser jgħinna biex noffru servizz aqwa lill-pubbliku,” sostna Mario Cutajar, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta. “Il-Konkatidral ta’ San Ġwann u knejjes oħra fl-ibliet u l-irħula huma parti integrali mill-identità kulturali tagħna, għalkemm qatt ma nistgħu nagħmlu biżżejjed biex nipproteġu l-wirt kulturali.”

“Permezz ta’ dan il-ftehim, ċerti li l-viżitaturi tal-Konkatidral se jiżdiedu b’mod sinifikanti,” stqarr Michael Pace Ross, is-Segretarju Amministrattiv fi ħdan il-Kurja.

“Il-Fondazzjoni temmen bis-sħiħ fl-importanza tal-preservazzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt tagħna, u permezz ta’ dan il-ftehim, se nkunu qed naqsmu l-għarfien u r-riżorsi tagħna,” stqarr Wilfrid Buttigieg, il-President tal-Fondazzjoni. Huwa semma li għalkemm il-Konkatidral bħala struttura hija imponenti, u post turistiku b’saħħtu, il-Fondazzjoni għandha jkollha l-umiltà u l-kapaċità tad-djalogu biex taħdem ma’ entitajiet oħra.

Preżenti waqt il-konferenza stampa attendew grupp ta’ tfal u l-ġenituri tagħhom li żaru l-Konkatidral. Is-Sur Buttigieg qal li waqt iż-żjara tagħhom il-Fondazzjoni semgħet kemm hu importanti l-valur tal-iskema tal-passaporti ta’ Heritage Malta.

“Kemm MUŻA kif ukoll il-Konkatidral ta’ San Ġwann għandhom storja rikka, u huma kapolavuri arkitettoniċi u artistiċi,” enfasizza Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta. “Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, Heritage Malta qiegħdha għal darb’oħra iżżid l-aċċessibilità tal-wirt nazzjonali tagħna għal kulħadd.”

DOI/MHAL

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.