Ftehim ta’ €1miljun bejn il-MEUSAC u l-Kummissjoni Ewropea

Ġie ffirmat ftehim ta’ sħubija ġdid għall-perjodu 2013-2016 bejn il-MEUSAC u l-Kummissjoni Ewropea.

Il-ftehim kien iffirmat mill-Kap tal-MEUSAC, Vanni Xuereb, u l-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, Martin Bugelli. Dan il-ftehim ġedded dak ta’ qablu għall-erba’ snin li għaddew.

L-għan tal-ftehim hu li jirregola d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-MEUSAC bħala l-entità magħżula mill-Gvern biex timplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija bejn Malta u l-Kummissjoni Ewropea.

Il-Ftehim ta’ Sħubija jipprovdi għal finanzjament ta’ €1miljun mill-Kummissjoni Ewropea għall-perjodu ta’ erba’ snin filwaqt li l-Gvern ta’ Malta jipprovdi r-riżorsi umani u l-infrastruttura meħtieġa biex il-MEUSAC iwettaq il-miżuri ppjanati. Dawn il-miżuri jinkludu l-preparazzjoni, l-implimentazzjoni u l-immaniġjar ta’ għotjiet ta’ fondi u proċeduri ta’ kuntratti, u kif ukoll l-immaniġjar tal-infiq relatat.

Il-prijoritajiet għal din is-sena huma: l-irkupru mill-kriżi ekkonomika, is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013 u l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014.

Il-Ftehim ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Ġustizzja, Chris Said, u l-Kap tal-Uffiċċju għall-Informazzjoni tal-Parlament Ewropew f’Malta, Peter Agius.