Ftehim storiku tal-Ġnus Maqgħuda dwar is-Sirja

Il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Maqgħuda approva b’mod unanimu riżoluzzjoni li torbot lis-Sirja sabiex teqred l-armamenti kimiċi tagħha. Waqt sessjoni li saret fi New York fl-Istati Uniti, il-grupp ta’ 15 –il pajjiż qablu mad-dokument li tfassal dan l-aħħar mir-Russja u mill-Istati Uniti.

Din ir-riżoluzzjoni wasslet biex jintlaħaq qbil fil-konfronti tas-Sirja wara li din il-kwistjoni kienet ilha għaddeja għal dawn l-aħħar sentejn u nofs. Madankollu is-sitwazzjoni fis-Sirja għadha xorta waħda dominata minn ġlied qawwi bejn il-forzi tar-ribelli u dawk tal-gvern.

Dan il-vot tal-Ġnus Maqgħuda wasal wara li li organiżazzjoni dinjija kontra l-armamenti kimiċi kienet qablet dwar pjan sabiex is-Sirja teqred l-armamenti nukleari tagħha sa nofs is-sena 2014.