Ftehim storiku bejn iċ-Ċina u l-Vatikan hu iminenti

Knisja Kattolika f'Shangai

Nhar il-Ħamis li għadda il-Gvern ta’ Taiwan qal li kien iminenti li jkun iffirmat ftehim storiku bejn il-Vatikan u l-Gvern Ċiniż. Madankollu Taiwan hu fiduċjuż li dan ma jwassalx biex jitlef l-uniku alleat diplomatiku li għandu fkl-Ewropa.

Il-Miniseru tal-Affarijiet Barranin tat-Taiwan qal li kellu informazzjoni minn diversi sorsi li l-ftehim dwar “affarijiet reliġjużi” aktarx ikun iffirmat aktar tard dan ix-xahar jew f’Ottubru.

Kien hemm ħafna spekulazzjoni li l-Vatikan kien riesaq qrib ftehim maċ-Ċina dwar l-akbar problema bejniethom, dik tal-ħatra tal-Isqfijiet. Iżda hemm il-biża’ li ftehim bħal dan ipoġġi f’riskju r-rabtiet diplomatiċi ta’ Taiwan mal-Vatikan għax iċ-Ċina dejjem tagħmel sforz biex jinqatgħu r-relazzjonijiet ma’ Taiwan.

Il-Vatikan hu wieħed minn 17-il stat fid-dinja li jirrikonoxxu lil Taipei flok lil Beijing. Iżda l-Papa Franġisku ilu mill-2013 jipprova jtejjeb ir-relazzjonijiet ma’ Beijing.

Iċ-Ċina għadha tqis lil Taiwan bħala parti mit-territorju tagħha u tesiġi li l-alleati tagħha jaqtgġu rabtiet uffiċjali mal-gżira ta’ Taiwan. F’Taiwan hemm madwar 300,000 Kattoliku u fl-aħħar sentejn tilef ħames alleati li bdew jappoħħjaw liċ-Ċina.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tat-Taiwan qal li l-Gvern jieħu bis-serjetà kull tip ta’ ftehim bejn il-Vatikan u ċ-Ċina għalkemm qal li jemmen li dan il-ftehim mhux se jidħol fil-kwestjoni ta’ relazzjonijiet diplomatiċi. “Nittamaw li r-relazzjonijiet tagħna mal-Vatikan idumu ħafna aktar anke jekk ikun iffirmat dan il-ftehim,” qal il-Ministru.

Min-naħa l-oħra kelliem għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin taċ-Ċina qal li pajjiżi “għamel sforzi biex itejjeb ir-relazzjonijiet mas-Santa Sede.” “Aħna lesti naħdmu mal-Vatikan biex nippromwovu d-djalogu u r-relazzjoniiet ta’ bejnietna.”

Hu stmat li fiċ-Ċina hemm madwar 12-il miljun Kattoliku maqsuma bejn l-Assoċjazzjoni mmexxija mill-Gvern fejn il-kleru hu magħżul mill-Partit Komunista u l-knisja mhux uffiċjali li hi leali lejn il-Vatikan.