​Ftehim Sptarijiet: Suċċess jew Fjask? Fearne u Mizzi b’fehimiet differenti

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi għandhom pożizzjonijiet opposti dwar il-mudell ta’ Private Public Partnership (PPP) adottat fil-bejgħ tal-konċessjoni tat-tliet sptarijiet.
Hekk kif ilbieraħ Steward Healthcare Systems ħabbru li ffinalizzaw il-ftehim sabiex jixtru lill-Vitals Global Healthcare (VGH) biex jibdew imexxu s-servizzi tas-saħħa fit-tliet sptarijiet ta’ Karin Grech, San Luqa u dak Ġenerali t’Għawdex, il-Ministru Mizzi ħareġ ifaħħar dan il-ftehim.
F’filmat sponsorjat fuq Facebook, Konrad Mizzi qal li hu konvint li l-mudell ta’ PPP bħal dak li ntuża fil-każ tal-bejgħ tat-tliet sptarijiet f’Malta, se jiġi addottat minn pajjiżi oħra madwar l-Ewropa u d-dinja.
Madanakollu, filwaqt li għal Mizzi dan huwa suċċess, jidher li l-Ministru għas-Saħħa għandu fehmiet differenti.  Waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM aktar kmieni dan ix-xahar, is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) Martin Balzan qal li f’laqgħa li t-tobba kellhom mal-Gvern, Fearne qabel magħhom li l-mudell ta’ PPP użat mal-Vitals falla u li jekk jagħmel PPP ieħor jagħmlu differenti.
Dan qatt ma ġie miċħud mill-Ministru Fearne, li lanqas wieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt.
Il-kumpanija globali Amerikana qalet fi stqarrija li issa se tkun is-sieħeb mal-Gvern Malti fil-qasam tas-saħħa, u kkwotat lill-Prim Ministru Joseph Muscat, li qal li Steward għandu l-istess viżjoni bħall-Gvern għall-futur tal-qasam tas-saħħa, u li s-sehem ta’ Steward se jwassal biex is-servizzi f’dawn l-isptarijiet ikunu mill-aqwa fid-dinja li jista’ jirċievi l-pazjent.
F’Diċembru li għadda l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien qal ma’ Newsbook.com.mt li t-taħditiet bejn Vitals Global Healthcare (VGH) u Steward Health Care System, kumpanija fl-Istati Uniti, kienu ilhom għaddejjin diversi xhur, iżda l-ftehim ġie ffirmat fl-20 ta’ Diċembru.
Wara li ħarġet l-aħbar qamet kontroversja fil-gazzetti.