“Ftehim sigriet mill-Gvern; €180,000 fis-sena minflok innaqqsu t-tniġġis”

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-programm ambjentali tal-Gvern fih ħafna tricks u ftit li xejn treats.

Meta kien qed jitkellem dwar id-diskussjoni dwar l-estimi finanzjarji għall-Ministeru għall-Ambjent fil-Parlament, id-deputat tal-Oppożizzjoni allega li Malta kienet sfurzata li tħallas €180,000 fis-sena f’emission reduction credits lill-Bulgarija biex tagħmel tajjeb minħabba li Malta hi l-unika pajjiż tal-Unjoni Ewropea li qed tħammeġ iktar mil-livelli aċċettabbli.

Huwa qal li fl-2013 il-Gvern daħal għal ftehim sigriet biex sal-2020, jixtri ‘l-allowance’ li l-Bulgarija mhux qed tuża għax tħammeġ inqas minna.

Azzopardi qal l-pjan dwar ir-riċiklaġġ tal-iskart organiku mhux sostenibbli tant li l-Gvern qed jimmira li jirriċikla 70,000 tunnellata skart organiku fis-sena meta t-tagħmir fl-impjant ta’ Sant’Antnin jiflaħ biss 35,000 tunnellata. Huwa rrimarka li anki kieku l-impjant kapaċi jlaħħaq ma’ dawn l-ammonti, m’hawnx suq għal dan il-kompost kollu.

Id-deputat Nazzjonalista qal li dan kollu qed isir biex il-Gvern jiġġustifika l-użu tal-inċeneratur. Azzopardi staqsa jekk il-kuntrattur li ntrabat li jqassam 156,000 kontenitur fi 80 ġurnata hux se jkun penalizzat peress li ma żammx mal-kuntratt li ngħata.