Ftehim mal-unjins li se jsaħħaħ l-operat tal-emerġenza

Flimkien mal-GWU u l-UĦM, il-Ministru għas-Saħħa Godfrey Farrugia ħabbar ftehim li ntlaħaq wara ħames xhur ta’ diskussjonijiet fejn ix-xufiera tal ambulanzi u l-porters u se jibdew jissejħu ambulance responders.

Il-Ministru sostna li minn dan il-ftehim se jgawdu l-pazjenti imma wkoll il-ħaddiema li issa se jkunu kollha fi grad wieħed u se jkollhom titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

Il-Ministru Farrugia qal li permezz ta’ dan il-ftehim minn 44 xufier tal-ambulanza mistenni li jkun hemm 88 responder.

Il-ħsieb huwa li maż-żmien l-ambulanzi minn sebgħa jiżdiedu għal ħdax. 

Dan se jissarraf f’aktar effiċjenza fil-ħin minn meta l-ambulanza titlaq u meta l-pazjent jirritorna.

Bit-taħriġ li se jingħata iż-żmien se jkun skont il-limitu aċċettat u l-proċeduri tas-saħħa u s sigurtà.

Il-Ministru Farrugia qal li fiż-żmien li ġej se jibdew it-taħdidiet mal-unjins tal-infermiera biex ikun hemm xifts aktar robusti.

Fl-emerġenza se ssir sistema tal-IT u protokolli tal-emergenza fil-kura primarja.

Qal li din ir-riforma qed tinvolvi numru ta’ NGOs fosthom is-Salib l-Aħmar.

Mistoqsi dwar il-kritika tal-MUMN fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-isptar Monte Carmeli, il-Ministru Godfrey Farrugia qal li meta jkun hemm xi skorrettezza jidħol il-Kummissarju tas Saħħa Mentali li jgħaddi is-suggerimenti fuq dak li jrid isir.

Qal li meta l-pazjenti jkunu minuri tintervjeni wkoll il-Pulizija.