Ftehim mal-Gvern għar-restawr tal-Knisja l-Qadima ta’ Birkirkara

Il-Kurja tal-Arċisqof iffirmat ftehim mad-Direttorat tar-Restawr tal-Gvern li se jwassal għar-restawr tal-Knisja l-Qadima ta’ Birkirkara permezz ta’ fondi pubbliċi. Dan wara li jsiru l-istudji u t-testijiet ġeotekniċi meħtieġa ffinanzjati mill-Knisja.

Il-ftehim ġie ffirmat illum minn Roberto Buontempo, Kap tal-Propjetà tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, u Norbert Gatt mid-Direttorat tar-Restawr. Waqt l-iffirmar tal-ftehim li sar fl-istess knisja, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, qal li l-Kurja tal-Arċisqof ikkummissjonat inġinier ġeotekniku biex jagħmel l-istudji neċessarji u joħroġ b’soluzzjoni li tindirizza l-kwistjoni ta’ instabbiltà fil-bini ta’ din il-knisja partikolari. Ir-riżultati tat-testijiet u l-lista ta’ interventi ta’ dawn l-istudji se jiġu mgħoddija lill-Gvern biex wara ssir sejħa pubblika għax-xogħol ta’ restawr fuq il-bini tal-knisja li se jiġi ffinanzjat mill-Gvern.

Il-Gvern fi stqarrija qal li l-Parroċċa ta’ Santa Marija għandha storja twila ta’ problemi strutturali kkawżati minn pedamenti msejsa fuq saffi ġeoloġiċi differenti li kkawżaw ħsarat konsiderevoli tul is-snin. Intqal ukoll li l-knisja kienet parzjalment iġġarrfet u ġiet abbandunata għal snin twal. Il-Gvern qal li matul it-tmeninijiet kienu reġgħu nbnew il-partijiet imġarrfa, madanakollu baqgħu jiffurmaw konsenturi li huma indikattivi li l-problemi fil-pedamenti ma ġewx riżolti.

Is-Sur Pace Ross f’isem l-Arċisqof Charles Scicluna rringrazzja lill-Ministru Josè Herrera li hu responsabbli mill-wirt nazzjonali, u qal li x-xogħlijiet fuq il-knisja għandhom jitlestew sal-2024. Fisser kif dan il-proġett se jimmarka mument storiku importanti fil-ħarsien ta’ dan il-patrimonju għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-Kappillan Dun Reuben Deguara semma’ kif it-8 ta’ Mejju hi data importanti għal din il-knisja peress li timmarka l-15-il anniversarju mindu saret parroċċa dedikata lil Santa Marija, b’digriet mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca.

Il-knisja nbniet fis-seklu 17 fuq disinn rinaxximentali attribwit lill-periti Vittorio Cassar u Tommaso Dingli. Fis-seklu 19 ġarrbet ħsarat estensivi fis-saqaf u l-koppla li ġew restawrati f’nofs is-seklu 20. Il-knisja ġiet skedata bħala monument nazzjonali tal-ewwel grad u hi mniżżla fl-Inventarju Nazzjonali tal-Propjetà Kulturali tal-Gżejjer Maltin.