Ftehim mal-Greċja jinkludi żieda fit-taxxi u ristrutturar tad-dejn

Hemm għarfien li ftehim tal-Unjoni Ewropea mal-Greċja jirrikjedi ċertu ristrutturar tad-dejn li dan il-pajjiż għandu ma’ pajjiżi Ewropej u l-Fond Monetarju Internazzjonali. Dan mingħajr ma jinħafer ebda dejn.
Hekk qal il-Prim Ministru Joseph Muscat fi Stqarrija Ministerjali fil-Kamra tar-Rappreżentanti dwar il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li fil-jiem li għaddew iddiskuta l-kwistjoni tad-dejn tal-Greċja.
Il-Prim Ministru kkonferma stqarrijiet preċedenti tal-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna kif ukoll rapporti fil-mezzi tax-xandir internazzjonali li l-aħħar proposta mressqa mill-Greċja toffri bażi tajba għad-diskussjoni. Huwa indika li l-miżuri proposti mill-Greċja jinkludu: żieda fit-taxxa tal-VAT, tneħħija tar-rati mnaqqsa ta’ VAT li jgawdu l-gżejjer Griegi, kif ukoll żieda fil-bolla u fl-età tal-pensjoni f’ċertu setturi. Ġie propost ukoll it-tneħħija tal-kunċett tal-early retirement li huwa mifrux ħafna fil-Greċja.
Muscat ikkonferma li kif sostna anki l-Fond Monetarju Internazzjonali irid ikun hemm flessibbiltà anki mis-sħab internazzjonali tal-Greċja fosthom ristrutturar tad-dejn.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u d-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech, waqt li tennew sintonija mal-pożizzjoni tal-Gvern, talbu għal iktar konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni dwar “kwistjonijiet ta’ importanza nazzjonali” bħal din. Il-Prim Ministru u l-Ministru għall-Finanzi fissru li dan ma kienx possibbli għaliex l-ewwel verżjoni tal-proposta tal-Greċja kienet mibgħuta fl-aħħar mument.